Nitkellmu ma’ Ronald Briffa u Francesca Polidano
Kif iltqajtu?
Ron/Francesca: Kienet ftit ikkumplikata din.. Iltqajna permezz ta’ ħabib komuni. Bla ħsieb ħafna u bla pjan ta xejn.
X’kienet l-ewwel impressjoni li kellkom fuq xulxin?
Francesca: Diġà kelli idea ta’ Ron imma meta’ ltqajna wiċċ imb’wiċċ irrealizzajt li ftit kien hemm differenza bejn il-persuna tal-midja u l-persuna reali.
Ron: Kont innutajt li Francesca kienet tidher ħafna iktar matura għall-età li kellha…u nnutajt ukoll li kellha wallet ħafna ikbar u isbaħ minn tal-oħrajn.
Fejn kienet l-ewwel date uffiċjali? U min għamel l-ewwel pass?
Ron/Francesca: Din kurjuża għax qatt ma kien hemm uffiċjalità tar-relazzjoni. Qishom l-affarijiet imxew ‘il quddiem b’pass naturali ħafna.
X’jogħġobkom l-aktar f’xulxin?
Ron: Francesca hi l-iktar organizzata.
Francesca: Ron hu l-iktar li jżomm l-affarijiet ħfief fir-relazzjoni.

X’differenza tagħmlu fil-ħajja ta’ xulxin kuljum?
Ron/Francesca: X’aktarx li minkejja l-impenji separati tagħna, nafu li nistgħu noqgħodu fuq xulxin għas-sapport u l-kuraġġ.
Liema żmien kien l-aktar ta’ sfida għar-relazzjoni tagħkom?
Ron/Francesca: X’aktarx l-2020, bl-isfidi kollha li ġabet magħha.
Xi tpoġġu fiċ-ċentru tar-relazzjoni tagħkom?
Ron/Francesca: Li nkunu sempliċi kemm jista’ jkun, mingħajr xinxilli żejda li jistgħu jbiegħduk mill-valur veru ta’ relazzjoni.
Kien hemm xi esperjenzi matul iż-żmien li ilkom flimkien li tħossu li għenu biex ir-relazzjoni tagħkom kompliet tissaħħaħ?
Ron/Francesca: Iva. Kull esperjenza pożittiva tatna ħafna kuraġġ. Kull esperjenza li ħtieġet sfida tatna tagħlima.
Irrakkuntawlna xi praspura li għamiltu bħala koppja..
Francesca: Darba, meta konna l-Amerka, Ron kellu problema mal-flushing tat-toilet, tant li l-ilma far u baqa hiereġ fil-kamra. Kellna nsejħu għall-assistenza.
Fuq xiex targumentaw l-aktar? U fuq xiex taqblu l-aktar?
Ron/Francesca: Fuq il-ħin u l-organizzazzjoni. Naqblu fuq l-ippjanar u t-tiftix ta’ ħin għalina.
Min minnkom iċedi l-ewwel f’argument?
Ron: Francesca.
Kif tippreferu li tqattgħu l-ħin ta’ kwalità ta’ bejnietkom?
Ron/Francesca: X’aktarx b’ikla tajba.

Xi tfisser l-imħabba għalikom?
Ron/Francesca: Li tagħti iktar milli tirċievi.
Min minnkom hu l-aktar romantiku?
Francesca: Ron…żgur!
X’kien l-isbaħ ġest li għamiltu lil xulxin?
Ron/Francesca: Li minkejja kollox, bqajna hemm għal xulxin.
X’inhuma l-aspirazzjonijiet tagħkom bħala koppja?
Ron/Francesca: Li nibqgħu nagħmlu l-istess affarijiet li għamluna dak li aħna.

X’inhuma l-ħsibijiet tagħkom dwar Jum San Valentinu? Tiċċelebrawh?
Ron/Francesca: Sfortunatament jum li ħa valur ħafna iktar kummerċjali…Qatt ma’ ċċelebrajnieh għar-raġuni li nemmnu li relazzjoni għandha tiġi ċċelebrata kuljum!
Kif beħsiebkom tqattgħu Jum San Valentinu?
Ron/Francesca: M’hemmx pjanijiet speċjali għall-jum, però nittamaw li jkollna ċ-ċans li nagħmlu dak kollu li jagħtina sodisfazzjon, bħal xi ikla jew mixja tajba ta’ ‘skoperta’ f’Malta.