Select Page

Għada, proprju fil-jum iddedikat għall-imħabba, se tkun qed tixxandar maratona ġbir ta’ fondi “Bl-Imħabba Naslu” fuq l-istazzjonijiet kollha tat-televiżjoni, bejn nofsinhar u nofsilejl. Il-maratona se ssir b’risq il-proġett St Michael Hospice li se jservi bħala l-ewwel kumpless għall-kura paljattiva f’Malta, u jgħin lill-eluf ta’ pazjenti u familji li llum jużaw is-servizzi tal-Hospice b’xejn.

L-irwol ewlieni ta’ Hospice Malta huwa li tipprovdi u tippromwovi servizzi ta’ kura paljattiva lill-pazjenti li qed jissieltu mal-kanċer, motor neuron disease, mard tal-qalb, respiratorju, tal-kliewi u tal-fwied. Bħalissa Hospice tgħin iktar minn 1,300 familja fis-sena.

Waqt it-tnedija tal-maratona, li saret fil-Palazz tal-President f’San Anton nhar it-Tnejn 8 ta’ Frar, iċ-Chairperson ta’ Hospice Malta, Bernadette Bonnici Kind irringrazzjat lis-Sinjura Vella f’isem it-tim kollu tal-Hospice Mata u l-familji li jagħmlu użu mis-servizzi tagħha. “Hospice Malta ilha tipprovdi servizzi ta’ kura paljattiva għal dawn l-aħħar 32 sena għal pazjenti li qed jissieltu ma’ kundizzjonijiet li jillimitaw il-ħajja. Hekk kif il-kundizzjonijiet mediċi jkomplu jiżdiedu, hemm bżonn li nkomplu nespandu s-servizzi tal-Hospice biex inkunu nistgħu nilħqu aktar pazjenti u noffulhom aktar servizzi, biex ikunu jistgħu jibqgħu fl-ambjent tad-dar tagħhom għall-itwal żmien possibbli. Din il-mira tista’ tinkiseb biss permezz tal-proġett St Michael Hospice li se jippermetti l-espansjoni tas-servizzi fil-komunità, kif ukoll l-introduzzjoni ta’ servizzi ġodda bħal dawk ta’ sptar għall-pazjenti tagħna.”

Permezz ta’ dan il-proġett nazzjonali, Hospice Malta se tkun tista’ tkompli tipprovdi servizz komprensiv immirat lejn is-saħħa fiżika tal-pazjenti, kif ukoll elementi psikosoċjali u spiritwali tal-pazjenti u l-familji tagħhom li għaddejjin minn dan il-vjaġġ diffiċli.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Hospice Malta, Kenneth Delia, sostna kif is-sena li għaddiet kienet iktar diffiċli hekk kif l-NGO affaċċjat numru ta’ diffikultajiet relatati mal-pandemija COVID-19, speċjalment biex jinġabru l-fondi meħtieġa biex isostnu s-servizzi tal-Hospice. Huwa appella għall-appoġġ mill-pubbliku u l-komunità tan-negozju biex jgħinu lil Hospice f’dan ir-rigward.

Fid-diskors tagħha, is-Sinjura Miriam Vella esprimiet li hemm bżonn ngħinu lil dawk li sfortunatament għaddejjin minn problemi personali. Is-Sinjura Vella qalet li temmen fil-ġenerożità tal-komunità Maltija u li, kif jimplika l-isem tal-maratona, bl-Imħabba Naslu. “Bl-imħabba u kompassjoni għal xulxin, flimkien għandna naslu sabiex inwettqu il-proġett St Michael Hospice għal dawk li tant għandhom bżonnu,” qalet is-Sinjura Vella.

Hospice Malta tappella għall-appoġġ u l-ġenerożità tal-pubbliku sabiex din il-ħolma ssir realtà għall-popolazzjoni kollha Maltija u Għawdxija. Donazzjonijiet jistgħu jsiru permezz ta’ telefonati, SMS, Pledges, BOV Mobile u donazzjonijiet onlajn kif jidher hawn taħt:

ĊEMPEL: €25 – 5180 2024 I €50 – 5190 2031

SMS: €11.65 – 5061 9234

ONLINE: Telethon 2021 Donation – Hospice Malta

BOV Mobile: 7993 3894

PLEDGES: 2122 0011

Għal aktar informazzjoni żur: www.hospicemalta.org

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks