Nitkellmu ma’ Manuel u Steve Aquilina
Kemm ilkom tafu lil xulxin? U kemm ilkom miżżewġin?
Manuel/Steve: Ilna flimkien 23 sena u ilna 6 snin miżżewġin.
Għidulna l-istorja ta’ kif iltqajtu..
Manuel: Jien ġejt noqgħod Malta fl-1996, u wara madwar sena ltqajna f’training session. U xi ġimgħa wara ltqajna xi tliet darbiet oħra barra b’kumbinazzjoni. Jiġifieri veru ‘it was meant to be’. Imbagħad iddeċidejna li nibdew niltaqgħu u noħorġu flimkien.
X’kienet l-ewwel impressjoni li kellkom fuq xulxin?
Manuel: It-tnejn għoġobna lil xulxin fiżikament. Fuq Steve il-fatt li jien mill-Ingilterra, u li kien jitkellem bl-Ingliż ġibidni lejh. Naħseb ukoll il-fatt li jien kont wiċċ ġdid u ma kont naf kważi lil ħadd peress li dak iż-żmien kont ilni Malta biss xi sena, ridt insir naf aktar lil Steve għax kont narah bħala raġel pożittiv u attraenti ħafna.
Fejn kienet l-ewwel date uffiċjali? U min minnkom għamel l-ewwel pass?
Steve: L-ewwel date li kellna kienet ikla fid-dar tal-ġenituri ta’ Manuel. L-ironija hija li jien ma mortx waħdi imma ma’ ħabiba tiegħi, Daphne. Naħseb li ridt inħossni sikur peress li jien pjuttost persuna naqra ‘old school’.
Liema memorji tgħożżu l-aktar mill-ġurnata tat-tieġ tagħkom?
Manuel: Għalija, il-perjodu kollu ta’ 7 xhur kien qisu ħolma, mill-proponiment fuq it-torri Eiffel fi Frar, għall-unjoni ċivili f’April sal-aħħar ġurnata tal-5 ta’ Settembru 2014. Għandna ħafna memorji sbieħ imma waħda mill-isbaħ kienet x’ħin kantajt lil Steve ‘This I Promise You’. Mument li ma ninsih qatt. Kont emozzjonat ħafna, nipprova nkanta u nibqa’ sintonizzat u fl-istess waqt li kont qed nipprova nżomm milli nibki. Steve kien emozzjonat ħafna wkoll f’dak il-mument. Hija memorja sabiħa li nġorr u anke maqbuda fuq il-kamera mill-fotografu tagħna wkoll.

Ġrat xi praspura jew xi ħaġa partikolari dakinhar?
Manuel: Ma naħsibx, kollox mar tajjeb u kif ippjanat dakinhar. L-unika ħaġa li tiġi f’moħħi hija l-fatt li ma ħallejtx lil Steve jilbes in-nuċċali tiegħu dakinhar (biex ma jtellifx id-dehra li kien se jkollu) u kellu jitlob lil ħuh biex isellfu tiegħu waqt iċ-ċerimonja minħabba li ma setax jaqra l-vows tiegħu!
Kien hemm xi esperjenzi partikolari matul is-snin li tħossu li għenu biex ir-relazzjoni ta’ bejnietkom tkompli tissaħħaħ?
Manuel: Meta tgħix flimkien, kull ġurnata tkun esperjenza. Matul dawn is-snin bnejna rabta inseparabbli li tatna l-iktar ħaġa importanti. Rispett lejn xulxin.
Xi tpoġġu fiċ-ċentru tar-relazzjoni tagħkom?
Manuel/Steve: L-imħabba, rispett u nifhmu lil xulxin.
X’jogħġobkom l-aktar f’xulxin?
Manuel: Żgur li aħna t-tnejn attirati lejn id-dehra ta’ xulxin, ovvjament. Imma ferm iktar profond minn hekk, Steve huwa persuna li tieħu ħsieb u tifhem ħafna. Jagħmel minn kollox biex jarak kuntent.
Steve: F’Manuel jogħġobni l-fatt li jagħti ħafna fir-relazzjoni tagħna, qalbu tajba, sensittiv għal dak li nħoss, u jagħmel dak li jista’ biex jagħmilni kuntent.

Fuq xiex targumentaw l-aktar? U fuq xiex taqblu l-aktar?
Manuel: Hmm, nargumentaw forsi fuq l-ebusija tiegħi. Jien opinjonat ħafna u għandi personalità qawwija li mhux dejjem iċċedi meta jkun meħtieġ. Rigward affarijiet li għandna komuni hemm ħafna. Aħna nħobbu ngawdu l-ħajja, l-ikel, l-ivvjaġġar, in-nies u kulturi oħra. It-tnejn li aħna naqsmu l-istess idea li għandek ħajja waħda u għalhekk trid tgħixha bl-aħjar mod possibbli. It-tnejn li aħna ambizzjużi ħafna u dik tgħin fir-relazzjoni tagħna.
Min minnkom iċedi l-ewwel f’argument?
Manuel: Jien ngħid li t-tnejn li aħna nċedu f’sitwazzjonijiet differenti.
Irrakkuntawlna praspura li għamiltu bħala koppja..
Steve: Hemm wisq!! Forsi waqt il-wirjiet tal-cabaret meta kont ninsa xi kostum jew kont nitfa’ l-backing track il-ħażina biex meta jkun se jkanta Manuel u kien ikollu jimprovizza dak il-ħin. Ovvjament, kien jagħtini ħasla wara imma konna nidħku wkoll għax ħadd ma kien jinduna li ma kien ikollu l-ebda idea tal-kliem.
X’differenza tagħmlu fil-ħajja ta’ xulxin kuljum?
Manuel: Naħseb li t-tnejn li aħna għandna bżonn lil xulxin. Ħajjitna ddur madwar xulxin, kbirna flimkien u b’idejna fuq qalbna nemmnu li hekk irridu nibqgħu sakemm jasal iż-żmien li nħallu din id-dinja. Meta tkun trid tagħmel ħafna ma’ xi ħadd u ħajtek ma tkunx l-istess mingħajrhom, allura tħoss li tkun inseparabbli!
Min minnkom hu l-aktar romantiku?
Manuel: Steve, apparentement. Kemm-il darba nisma’ “Manuel, int m’intix romantiku daqsi.” Ikolli nammetti li veru.
X’kien l-isbaħ ġest li għamiltu lil xulxin?
Manuel: F’għeluq snini ftit tas-snin ilu, Steve issorprendini b’ikla speċjali ħafna. Kien qalli biex nippakkja ilbies sabiħ u dik il-lejla stess morna Milan biss biex nieklu fil-lukanda Bulgari u rritornajna Malta l-għada. Dik kienet naqra kbira! Min-naħa tiegħi, meta konna Pariġi u ipproponejt lil Steve fuq it-torri Eiffel fir-ristorant bi stilla Michelin. Kien speċjali ħafna għalina mhux biss minħabba l-ovvju, imma f’dik is-sena Steve kien għaddej minn testijiet għall-kanċer tal-pulmun (kien alram falz li sirna nafu aktar tard) u għalhekk kont ippjanajt li nipproponilu ħalli ngħaqqdu r-relazzjoni tagħna flimkien permezz tal-unjoni ċivili ikun x’ikun ir-riżultat. Kien perjodu estremament emozzjonali f’ħajjitna.

Xi tfisser l-imħabba għalikom?
Manuel/Steve: Kollox. Li tkun komplut mal-persuna li trid tqatta’ l-bqija ta’ ħajtek magħha.
X’inhuma l-aspirazzjonijiet tagħkom bħala koppja?
Manuel/Steve: Li nkunu dejjem kif aħna llum. Li dejjem inkunu hemm għal xulxin matul iż-żminijiet tajbin u ż-żminijiet ħżiena. Li dejjem naqsmu l-imħabba li għandna għal xulxin u li xi darba fil-futur inkunu nistgħu naqsmu dik l-istess imħabba mat-tifel jew tifla li naddottaw u nibdew il-familja tagħna.
X’inhuma l-ħsibijiet tagħkom fuq Jum San Valentinu? Tiċċelebrawh?
Manuel/Steve: Aħna ma’ nagħtux lil dan il-jum l-importantza kummerċjali li jagħmlu xi koppji. Għalina, ngħixu ħajja fejn kontinwament inkunu flimkien, u naqsmu mumenti sbieħ u l-imħabba li għandna għal xulxin. Ma nemmnux li dan kollu għandu jkun f’jum wieħed meta hemm 364 ġurnata oħra fis-sena biex tiċċelebra l-imħabba tiegħek.
Kif beħsiebkom tqattgħu Jum San Valentinu?
Manuel/Steve: Apparti li nqattgħu l-Ħadd flimkien f’Għawdex fejn ngħixu, mistednin biex inqattgħu nofs ta’ nhar ma’ xi ħbieb Għawdex stess għat-te ta’ wara nofsinhar u nqattgħu l-kumplament tal-ġurnata flimkien. Għandha tkun ġurnata sabiħa oħra.
Hemm xi ħaġa jew xi kurżitajiet partikolari oħrajn li tixtiequ taqsmu magħna?
Manuel/Steve: Kull ma nistgħu ngħidu huwa li bħalissa qed naħdmu fuq proġett ‘life changing’ li ilna nikkunsidraw għal ftit snin issa. Is-sena li għaddiet ikkonfermajna li ridna nibdew insegwu din il-ħolma u qattajna l-aħħar 9 xhur naħdmu fuqha. Jista’ jkun li tieħu ftit tas-snin. Nisperaw li nkunu nistgħu naqsmu l-aħbar sabiħa magħkom fil-futur jekk kollox imur kif ippjanat. Fingers crossed!

Direttriċi u Editriċi