Nitkellmu ma’ Daniel u Fiorella Chircop

Kemm ilkom tafu lil xulxin? U kemm ilkom miżżewġin?

Daniel: Irrispondiha inti din ghax dejjem ninsa.

Fiorella: Ilna nafu lil xulxin 11-il sena, u ilna miżżewġin 8 snin.

Għidulna l-istorja ta’ kif iltqajtu..

Fiorella: Kelli staff party tal-Milied, kont naħdem mal-Melita dak iż-żmien. Konna ħa nagħmlu xow żgħir biż-żfin u drama mbagħad kellna l-party tal-Milied. Għamilnih fis-City Theatre li dak iż-żmien kien ta’ Daniel u bejn xow tagħna u ieħor kienu se jagħmlu biċċa comedy żgħira huma, u mbagħad wara x-xow kien hemm il-party u ltqajna hemm.

X’kienet l-ewwel impressjoni li kellkom fuq xulxin?

Daniel: Jien lil Fiorella kont rajta ġurnata qabel u hi ma kinitx ratni u kont għidt ara kemm hi ħelwa din, imma ħsibtha żgħira ħafna. Għidtilhom din min hi, u bdejt nitkixxef naqra fuqha.

Fejn kienet l-ewwel date uffiċjali? U min minnkom għamel l-ewwel pass?

Daniel: Jien għamilt l-ewwel pass, għax dakinhar tax-xow kont qiegħed backstage u mort inkellimha biex qisni nagħtiha l-kuraġġ u mbagħad wara fil-party mort infittixha, ħadna drink u nsomma minn hemm il’ quddiem ma ħarisniex lura.

Liema memorji tgħożżu l-aktar mill-ġurnata tat-tieġ tagħkom?

Fiorella: Naħseb waħda mill-isbaħ affarijiet li niftakar li ħadt sorpriża kienet li jien dejjem xtaqt li meta nidħol il-knisja jkolli tapit abjad minflok aħmar u Daniel dejjem kien jgħidli le mhemmx għalfejn, u malli dħalt il-knisja nara dan it-tapit l-abjad jiġifieri tani sorpriża li ma kontx qed nistenniha.

Daniel: Min-naħa tiegħi, it-tieġ organizzajt ħafna minnu jien u Fiorella ma kinitx taf ħafna fuqu allura kienet inkwetata bħal pereżempju li mhux se jkun hemm biżżejjed ikel eċċ, u naħseb li nara li dak li organizzajt għoġob lil Fiorella u lill-mistednin kienet xi ħaġa speċjali ħafna però ovvjament il-ġurnata kollha kienet maġika.

Fiorella: Xi ħaġa oħra li niftakar, waqt it-tieġ kienet giet ħabiba tiegħi u kienet qaltli isma minni poġġi bilqiegħda tliet minuti kollox, ħares lejn kullimkien għax din ħa tibqa’ tiftakar, u veru għaliex dik il-biċċa għadni niftakarha sal-lum il-ġurnata, poġġejt, ħarist madwari u għidt dan it tieġ tiegħi u kienet xi ħaġa sabiħa ħafna.

Ġrat xi praspura jew xi ħaġa partikolari dakinhar?

Daniel: Praspura…Sander kien il-bestman u waħda mill-affarijiet li għamel kienet li ħawwad il-fjuri tal-irġiel kollha, imbagħad aktar tard ħawwad il-ġlekkijiet, anki tiegħi, jiġifieri jien spiċċajt niżżewweġ bil-ġlekk ta’ xi ħaddieħor! Aktar minn hekk ma ġrawx affarijiet partikolari li nibqgħu niftakruhom, kollox għal grazzja t’Alla mexa tajjeb.

It-tlett itfal tagħkom, xi jfissru għalikom?

Fiorella: Bażikament ngħixu għalihom. Il-ġurnata impenjattiva ħafna għaliex il-ħin kollu għaddejjin, minn filgħodu sa filgħaxija, anki issa waqt li qed nagħmlu din l-intervista. Ifissru kollox għalina.

Daniel: Eżatt kull ma tagħmel tagħmlu biex ikollhom ħajja tajba u jkunu kuntenti u fil-verità għalkemm mhumiex kollox fir-relazzjoni imma naħseb iżidu dawk l-affarijiet maġiċi. Il-maġija naħseb li jżiduha t-tfal. Importanti l-ġenituri imma t-tfal jagħtu wisq sabiħ fil-ħajja.

Minkejja l-impenji tagħkom tax-xogħol u dawk marbuta mal-irwoli ta’ ġenituri, jirnexxilkom issibu ħin ta’ kwalità għalikom it-tnejn?

Fiorella: Iva importanti, aħna nagħmlu mezz li dejjem jew noħorġu nieklu, jew noħorġu nieħdu drink mal-ħbieb. Ovvjament meta ma kellniex il-covid konna għamilna wegħda lil xulxin li nsiefru darbtejn fis-sena, weekend, jiġifieri żewġ iljieli kollox. Darba mmorru f’Novembru u darba f’Ġunju, jien u Daniel biss biex inqattgħu ftit ħin flimkien u waħedna għax nemmen li huwa bżonnjuż ħafna.

Daniel: Jekk ma nibqgħux f’relazzjoni tajba lanqas it-tfal ma jkollhom ġenituri għax allaħares qatt ma tibqax flimkien hux, jispiċċa kollox.

Fiorella: Nemmen li hija importanti ħafna li jkollok ħin mar-raġel u t-tfal tħallihom naqra warajk għal ftit tal-ħin u tkun mar-raġel.

Liema żmien kien l-aktar ta’ sfida għar-relazzjoni tagħkom?

Daniel: Naħseb meta nħares lejn dawn is-snin kollha, kien hemm żminijiet naħseb fejn ikun hemm xi problemi, bħal meta pereżempju konna fiz-zoo u waqafna, ikun hemm qisu dik it-transition, anki ta’ kemm tkun qed taqla’ flus, u naħseb meta jkun hemm xi ostakli finanzjarji naħseb tkun naqra problematika l-ħaġa. Il-bqija naħseb kollox jirnexxilna nsolvu. Dan iż-żmien tal-covid ovvjament ma kienx l-aktar żmien ħafif, la għalina u lanqas għal ħaddieħor imma dejjem inkunu hemm għal xulxin, forsi tkun daqxejn inqas faċli l-biċċa tax-xogħol imma dejjem jirnexxilna ngħaddu s’issa.

Kien hemm xi esperjenzi partikolari li tħossu li għenu biex ir-relazzjoni tagħkom tkompli tissaħħaħ?

Fiorella: Aħna nħobbu nsiefru ħafna jiġifieri naħseb biex inkun onesta, bħalissa li għandna s-sitwazzjoni tal-covid u ma nistgħux insiefru vera nħossha għaliex Daniel jaħdem ħafna u l-unika ħin li nqattgħu flimkien huwa meta nsiefru u bħalissa ma nistgħux. Naħseb dawk huma l-aktar esperjenzi tagħna li jgħinu fir-relazzjoni tagħna.

Daniel: Fuq din il-mistoqsija jien personali naħseb, l-aktar affarijiet li saħħew ir-relazzjoni hija meta tara l-affarijiet li ġraw madwarna pereżempju meta tlift lil ħija, tkun taf li m’intix hawn għal dejjem, li l-persuna l-oħra tista’ titlifha. Ftit ilu ħabiba tiegħi kienet ħa titlef ħajjitha f’sekonda. Tapprezza li dak li hemm ħdejk mhuwiex hemm għal dejjem u ma tistax tieħdu forgranted u naħseb dik iġġiegħlek tapprezza dak li għandek u anke meta tiltaqà ma’ nies li żżewġu magħna jew warajna u m’għadhomx flimkien tibda tgħid thank God, aħna għadna hawnhekk, u nispera li nibqgħu hekk.

Xi tqisu bħala prijoritajiet għar-relazzjoni tagħkom?

Fiorella: Li nsibu ħin għal xulxin u ngħinu ħafna lil xulxin. It-tfal jirrekjedu ħafna xogħol ukoll imma naqsmu kollox flimkien, id f’id u ngħinu lil xulxin.

Daniel: Bħalissa looking forward li fil-futur se jkollna dar ġdida u looking forward li nibdew ngħixu ħajja ġdida mal-familja tagħna fid-dar il-ġdida. Naħseb bħalissa dik waħda mill-prijoritajiet li għandna, li nlestu d-dar u nerġgħu nibdew il-ħajja normali.

X’jogħġobkom l-aktar f’xulxin?

Daniel: Jien Fiorella togħġobni kollha kif inhi, ma nbiddlilha xejn, u minn dejjem. Bħala karattru għandna problema kbira għax it-tnejn simili ħafna allura jkollna ħafna argumenti għaliex veru simili. Tgħidli, tkun simili jkollok l-argumenti, iva ta, għaliex it-tnejn naqra rasna iebsa u t-tnejn qisna rridu nikkmandaw, allura qisu kollox b’żewġ kaptani għandna.

Fiorella: Li togħġobni f’Daniel hija d-determinazzjoni jiġifieri jekk irid jagħmel xi ħaġa ħa jagħmilha, hard working ħafna, u jogħġobni mill-apparenza wkoll hux għax importanti.

X’differenza tagħmlu kuljum fil-ħajja ta’ xulxin?

Daniel: Fiorella tagħmili differenza kbira għax xi kultant għalkemm nagħmel ħafna affarijiet u hard worker, qisni nintilef u xi kultant il-kelma ta’ Fiorella, anki fil-business, tidderiġini, tgħidli kelma u nirrealizza li jien ma nkunx ħsibtha hekk u barra minn hekk aħna nċemplu lil xulxin xi mitt darba kuljum. Kontinwament naffettwaw il-ħajja ta’ xulxin, fil-pożittiv ovvjament.

Fuq xiex targumentaw l-aktar? U fuq xiex taqblu l-aktar?

Daniel: Fuq kollox u fuq kollox! Nargumentaw fuq l-iżgħar affarijiet imma kif għidtlek naqblu kollox, u kultant tad-dwejjaq, għaliex anke jogħġobna l-istess ikel, jogħġbuna l-istess nies, idejquna l-istess nies, xi kultant nibdew ngħidu l-istess affarijiet u ma nkunux għidnihom lil xulxin imma imbagħad it-tnejn li aħna fuq l-inqas ħaġa nispiċċaw noħolqu argument enormi u fil-verità ma jkun verament fuq xejn, qisna boloh.

Min minnkom iċedi l-ewwel f’argument?

Fiorella: Jiena.

Daniel: U anki jien inċedi sirt.

Fiorella: Imma jien aktar għaliex jien li għandi ngħid ngħidulek imbagħad nippretendi li jgħaddilek mill-ewwel.

Irrakkuntawlna praspura li għamiltu bħala koppja..

Daniel: Għamilna ħafna għax fis-safar jiġrulna ħafna. Darba Fiorella kienet qed issuq il-quadbike u kienet se taqa’ żewġ sulari għax ma setgħatx twaqqfu. Imbagħad fejn konna morna għall-quadbikes kien waqqafhom għal dejjem minn dakinhar minħabba Fiorella. Kemm-il darba konna se nitilfu xi ajruplan jew nitħawwdu għax aħna l-ewwel darba li sifirna weħedna kienet bil-kbir għaliex konna morna Thailand weħedna! Bħalissa ma tantx nista’ niftakar imma nagħmlu ħafna praspar.

Min minnkom hu l-aktar romantiku?

Daniel: Jien żgur.

Fiorella: Daniel romantiku, avolja ma tantx għadu għax qabel it-tfal kien ħafna aktar romantiku naħseb, imma l-ħin bħalissa huwa naqra limitat biex inkunu romantiċi imma xorta hu aktar.

X’kien l-isbaħ ġest li għamiltu lil xulxin?

Daniel: Għamilna ħafna ġesti u sorpriżi lil xulxin. Darba ħadtha Venezia bħala sorpriża għal Jum San Valentinu. U din il-ġimgħa jew ta’ qabel, aħna bħalissa qed noqgħodu ftit attenti minħabba l-ispejjeż minħabba li qed nagħmlu d-dar, u Fiorella ġemmgħet ammont ta’ flus u xtratli smart watch, u jien għalija qisha tatni d-dinja, qisha tatni karozza. Daqshekk nieħu pjaċir.

Fiorella: Aħna nħobbu nagħtu affarijiet lil xulxin, mhux f’okkażjonijiet partikolari, fil-Milied u fil-birthdays ġieli ma nagħtu xejn imma imbaghad inħobbu nagħtu affarijiet lil xulxin out of the blues.

Xi tfisser l-imħabba għalikom?

Fiorella: L-imħabba tfisser kollox għalija. Inħossni iffurtunata li għandi lil Daniel li jħobbni, jirrespettani u jifimni. Niltaqa’ ma’ ħafna nies li mhumiex iffurtunati bħali u veru nixtieq li kulħadd ikollu l-esperjenza li għandi jiena. Hija xi ħaġa sabiħa li tħobb u tkun maħbub u tagħti l-imħabba lit-tfal. L-imħabba li għandna għal xulxin tirrifletti fuq it-tfal ukoll.

Daniel: Jien lil Fiorella ħabbejtha mill-ewwel ftit ġranet u naħseb li l-imħabba aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar tikber.

Fiorella: Ma noqgħodux mingħajr xulxin.

Daniel: Għalkemm niġġieldu u nargumentaw ħafna ma noqgħodux mingħajr xulxin, anke jekk pereżempju ssiefer waħedha u norqod waħdi, inħossni differenti.

X’inhuma l-aspirazzjonijiet tagħkom bħala koppja?

Daniel: Kif għidna qabel, li nlestu d-dar u mmorru noqgħodu fiha, tfal ma rridux aktar għax isss għandna tlieta u biżżejjed. Issa nrabbu t-tfal, inkabbruhom u nsibu aktar ħin biex ingawdu lil xulxin. Aħna minn dejjem kellna t-tfal fir-relazzjoni tagħna għax meta konna noħorġu flimkien fil-bidu kellna lil Chad imbagħad ġie Max u issa Cara, jiġifieri issa meta jikbru ftit ieħor nibdew ingawdu aktar lil xulxin u nsiefru ħafna aktar.

X’inhuma l-ħsibijiet tagħkom fuq Jum San Valentinu? Tiċċelebrawh?

Daniel: Huwa jum sabiħ, jiena kollox jogħġobni għax hawn ħafna jgħidu li huwa kummerċjali imma jiena naħseb li huwa okkażjoni bħal okkażjonijiet oħrajn fejn ikollok opportunità li tiftakar aktar f’dik il-ħaġa li suppost tiftakar spiss. Pereżempju l-mother’s day, ma tiftakarx f’ommok u ġonna it-tfal tiegħek f’dik il-ġurnata biss imma matul is-sena kollha, u l-istess Jum San Valentinu. Forsi jfakkrek kemm int iffurtunat li l-partner tiegħek għadha jew għadu hemm u li int iffortunat li għandek dik l-imħabba li tant hawn min jixtieq.

Kif beħsiebkom tqattgħu Jum San Valentinu?

Daniel: Bit-tfal żgur.

Hemm xi kurżitajiet oħra li tixtiequ taqsmu magħna?

Daniel: Wegħda li għamilt lill-mara tiegħi llum, li hija li se nibda nkun aktar pacenzjuż biex nieħdu r-ritratti tal-familja għax jien taqbiżli malajr u vera m’għandniex ritratti. Għandha raġun Fiorella u kelli żball jiena, irridu nibdew nieħdu għaliex inkella mhux ħa jkollna memorji.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks