Ġimgħatejn wara, Aldo kien qiegħed bilqegħda fil-klassi. Dawwar rasu lejn in-naħa tal-lemin fejn is-soltu kien ikun hemm it-tifel tan-nemex bilqiegħda f’postu. Stefan kien ilu nieqes ħmistax mill-iskola u ħadd ma kien lissen ebda kelma fuqu. Forsi kien marid. Forsi kien qiegħed jevitahom.
“Sir, xi ġralu Stefan?” kien staqsa lill-imgħallem darba fost l-oħrajn iżda kien baqa bla risposta. Kien ra wiċċ l-imgħallem jitqarras u jbiddel is-suġġett.
Dnub, kien ħaseb. Lil Stefan kien jgħir għalih. Waqt li hu kien tifel sfrattat, dejjem jiġri barra mal-erbat iħbieb li kellu, Stefan kien tfajjel b’persuntu żgħira, kwiet iżżejjed u qatt ma jgħid kelma. Aldo kien kważi jobgħodu, iżda lanqas hu stess ma kien jaf għalfejn.
Dak il-ħin ħass fawra tielgħa għal rasu u beda jara l-klassi ddur bih.
Għamel idejh fuq sidru u beda jħoss uġiegħ kbir.
“Sir…..”
Aldo ma laħaqx lissen kelma oħra għaliex kien qiegħed mal-art stendut b’għajnejh iberrqu u jteptpu fl-istess ħin.
“Sinjura, ma tantx għandna aħbarijiet sbieħ,” kien lissen il-professur dwar il-qagħda ta’ Aldo. “It-tifel tiegħek…..”
“Xi ġralu?” staqsiet ommu b’rogħda kbira fuqha.
“Għandu bżonn trapjant ta’ qalb. Qalbu mhix taħdem tajjeb u t-terapija li qegħdin nagħtuh ma tantx qegħda tagħmel progress fuqu,” il-professur kien ħabbar, hekk kif gidem xofftu t’isfel. Aħbarijiet bħal dawn kienu saru parti mill-ħajja ta’ kuljum u ma kienx għadu jiddejjaq jomgħodhom.
“Imma….” omm Aldo bilkemm felħet titkellem.
“Jekk ma nsibux donatur, wisq nibża li……” lissen il-professur.
Għaddew jumejn ta’ taqtigħ il-qalb. Jumejn bit-tifel jilgħab ma’ ħajtu fil-kamra fl-isptar u l-omm tħares lejh bid-dmugħ f’għajnejha.
“Għandna aħbar tajba.” Dak il-ħin li kien taha din l-aħbar il-professur, kienet ser tibqa tiftakru għal għomorha. “Sibna donatur.”
Aldo ittieħed fil-kamra tal-operazzjonijiet u hemmhekk kienet saret operazzjoni delikata fuqu. Damu joperawh għal ħin twil. L-omm kienet baqgħet tħares ċassa lejn il-ħajt l-abjad tal-isptar, b’idejha għoqda flimkien u titlob minn qalbha. Malli ħarġu lil binha minn ġol-kamra u għaddew jiġru bih fil-kuridur, ħarġet tiġri ħdejn il-professur u għamlilha sinjal ta’ iva b’rasu.
Ir-rakkont ikompli l-ġimgħa d-dieħla……

Avukata u Awtriċi