Miriam qamet kmieni ħafna. Marret tirranġa xagħrha, ħaġa li kienet ilha ma tagħmel xhur. Ftit kulur u qatgħa pulita ġabuha tidher iżgħar. Hassitha kuntenta x’ħin ħarset fil-mera. Tbissmet. Għal dakinhar kienet lestiet libsa sewda tal-bizzilla li kienet toħorġilha l-figura sabiħa tagħha u żarbun bit-takkuna irqiqa. Ftit irtokk ħafif u mas-sitta kienet lesta. Damet ħafna tippassiġġa, itteftef f’xagħrha, u tiġbed nifsijiet fil-fond sakemm sar il-ħin biex jiġi għaliha. Kienet fuq ix-xwiek u qalbha bdiet tħabbat tgħaġġel. Hassitha tħobbu aktar milli qatt ħabbitu qabel. Flimkien kienu lesti jerġgħu jippruvaw jgħixu t-tlajjiet u l-inżul tal-ħajja. Flimkien kienu se jibdew mill-ġdid, bil-mod. Flimkien. Mil-lum.

Awtriċi