Nitkellmu ma’ Chrysander u Alison Agius
Kemm ilkom tafu lil xulxin? U kemm ilkom miżżewġin?
Sander/Alison: Ilna nafu lil xulxin madwar 20 sena u ilna miżżewġin 14-il sena.
Għidulna l-istorja ta’ kif iltqajtu..
Sander: Jien sirt naf lil ommha li nzertat kienet ġejja btala magħna mal-programm MINIBUGZ li kien isir fuq NET TV. Kienet l-unika darba li qatt sifirt ma’ fans ta’ programm u għamiltha!! Għax min qatt kellu jgħidli li parti mill-grupp kellu jkun hemm il-futura mara ta’ ħajti. It-tour leader kien l-onor. David Agius li għadu sal-lum jgħid li għandu mertu minn dan kollu.
X’kienet l-ewwel impressjoni li kellkom fuq xulxin?
Sander: Ħeq…jien għoġbitni mill-ewwel Kellha għajnejha jisrqulek qalbek. U biex ngħid is-sew għidt naħseb din mhux se toħroġ miegħi imma rnexxieli!!
Alison: Iii kemm hu differenti minn kif jidher fuq it-television!
Fejn kienet l-ewwel date uffiċjali? U min minnkom għamel l-ewwel pass?
Sander: L-ewwel bewsa għalkemm mhux fuq date uffiċjali kienet l-Italja stess id-dolomiti waqt il-btala, fit-triq waqt li nieżla balla xita!! Dates kellna ħafna wara dik, għax nista’ ngħid li kien l-uniku perjodu f’ħajti fejn ġenn kien ikolli biex nitlaq mix-xogħol u mmur niltaqa’ magħha!
Alison: L-ewwel date ġie għalija d-dar u kellu l-istereo jgħajjat u ġegħlni nistħi, imma mbagħad ħadt gost.
Liema memorji tgħożżu l-aktar mill-ġurnata tat-tieġ tagħkom?
Sander/Alison: Il-ġurnata tat-tieġ minn kollox inqala’, allura mhux li tant tinsiha faċilment. Aħna kellna naslu l-post tar-riċeviment bid-dgħajsa minn ta’ Lies il-Belt Valletta wara li spiċċajna mill-knisja ta’ Ġieżu. Iċ-ċelebrazzjoni naħseb tibqa’ l-iktar f’moħħna għaliex kienet vera speċjali. Wara l-knisja però nqala’ baħar qawwi u għalkemm morna xorta waħda bil-lanċa, ġara li ma stajniex ninżlu lura biha u allura kellna naraw x’se nivvintaw biex inwasslu lura 300 ruħ. Kellna tieġ żgħir però bin-nies li verament kienu ħbieb tagħna u kien ta’ divertiment kontinwu.

Kif tiddeskrivu l-karattru ta’ xulxin?
Sander: Ras iebsa mill-kbar u ġieli tiddeċiedi l-affarijiet mingħajr ma biss tkun semagħtek. Qalbha tajba immens u qalbha żgħira wkoll għax malajr titħassar lil dak li jkun. Persuna li taf tħobb u ta’ rispett kbir.
Alison: Ras iebsa, jekk jgħid le le…qalbu tajba u li jiġih f’moħħu jagħmlu…no matter what.
X’jogħġobkom l-aktar f’xulxin?
Sander: L-ispontanjetà u l-fatt li nqatta’ kemm inqatta’ ħin magħha ma niddejjaq qatt. Hija l-kumpanija ideali. U forsi tgħid mhux ovvja daqs kemm ilkom tafu lil xulxin! Mhix ovvja għax għalkemm dejjem flimkien, qatt ma niddejqu u dejjem tivvintali xi waħda ġdida…
Alison: Li nieħu gost miegħu u ma niddejjaq qatt. Tista’ tagħmel konverżazzjoni miegħu bis-sens għax mhux dejjem faċli ssib xi ħadd hekk.
Liema żmien kien l-aktar ta’ sfida għar-relazzjoni tagħkom?
Sander: Kull żmien fih l-iebes tiegħu u s-sabiħ tiegħu. Naħseb sakemm inkunu qed ngħixuh flimkien dejjem s’issa rnexxilna ngħinu u nadhru lil xulxin.
Alison: Meta mietet omm Sander għax kienet daqqa għalina. U waqt iż-żmien tal-pandemija għaddejna wkoll minn problemi finanzjarji.
X’differenza tagħmlu fil-ħajja ta’ xulxin?
Sander: Li kieku m’hemmx hi, kieku jien ma nagħmilx l-ideat kollha li jiġuni f’moħħi! Is-sapport u l-iskjettezza tagħha jżommuni dejjem b’saqajja ma’ l-art. Tgħidli wkoll kif nilbes għax jekk inħalli f’idejn l-istint tiegħi, ma ninġabarx. Min-naħa l-oħra hi tinkwieta ħafna u jien ninkwieta biss meta jiġru l-affarijiet, imnalla hekk għax kieku panic station. Inħobbu wkoll l-istess affarijiet u allura din tagħmel il-ħajja tagħna kumplimentuża.
Alison: Jien mingħajru ma nagħmel xejn għax ikun hu li jispirani u jimbuttani biex nagħmel l-affarijiet. Xorta jqabbiżhieli għax fitt…imma nsomma.
Xi tpoġġu fiċ-ċentru tar-relazzjoni tagħkom?
Sander/Alison: Li nkunu kuntenti u l-problemi li jkollna nitkellmuhom.

Kien hemm xi esperjenzi partikolari matul is-snin li għenu biex ir-relazzjoni ta’ bejnietkom tkompli tissaħħaħ?
Sander/Alison: Bħal kull koppja ntoppi jkun hemm dejjem. Titgħallem u timmatura u dejjem issir partner aħjar.
Fuq xiex targumentaw l-aktar u fuq xiex taqblu l-aktar?
Sander: Nargumentaw fuq it-television, il-ħwejjeġ li nħalli jiġru, il-fissazzjoni fuq it-tindif, in-nuqqas t’attenzjoni fil-parking, ħela ta’ dawl, u xiri bl-addoċċ, dik il-lista tiegħi ovvjament, hi min jaf x’lista għandha. Naqblu ħafna fejn jidħol safar, ħruġ, ikel.
Alison: Fuq l-imbarazz li jħalli jiġru, u l-arredament tad-dar għax jien inkun irrid stil u hu jrid ieħor. Naqblu fuq il-ħruġ, safar eċċ.
Min minnkom iċedi l-ewwel f’argument?
Sander: It-tnejn ninfaqgħu u jgħaddilna malajr. Ġieli jien indum ftit iktar għax għandi l-isfortuna li nieħu kollox a la lettera meta f’argument mhux kull ma jintqal ikun minnu.
Alison: JIEN.. għax jien ninsa’ xi nkun għidt u jgħaddili malajr.
Min minnkom hu l-aktar romantiku?
Sander: Naħseb li hi! Jien ġieli ttini siegħa tajba…imma iktar hi. Anzi jien salvaġġ naqra.
Alison: Hu jew xejn jew ibellħek imma t-tnejn mhux li aħna ħafna romantiċi.

X’kien l-isbaħ ġest li għamiltu lil xulxin?
Sander: Naħseb il-ġest li nieħdu ħsieb xulxin isir ta’ kuljum u dak huwa l-ikbar sforz.
Alison: Il-ftit li jagħmel ta’ kuljum.
Irrakkuntawlna praspura li għamiltu bħala koppja..
Sander: Oooh…din irridu ktieb biex ngħaqqduhom. Alison tibża’ mill-ġrieden. Qiegħdin Malaysia wara li żbroffa vulkan u ma stajniex immorru BALI, però dak rakkont ieħor u waqt li qed nieklu jitfaċċa ġurdien u għollietli l-mejda bil-birra kollha fuqi. Is-sid tefgħetna ġewwa u donnu dan il-ġurdien apposta reġa’ qasam minn ġor-restaurant u reġgħet għollietli l-mejda. Il-vili s-sid tal-ħanut ġegħlitni nħallas tal-birra!!
Alison: Waqt li qiegħdin imsifrin Sander jaqbad il-bagalja tiegħi tqila ċomb u jpoġġiha fuq bus. Fil-pront titla’ din iċ-ċiniża anzjana u bi skoss tinqala’ l-bagalja u ttiha daqqa kbira. Din bdiet tgerger ħafna u jien ma nifhimx u iktar nidħak għax hekk jiġrili meta naqa lil xi ħadd jaqa’ jew jaqla’ daqqa.
Xi tfisser l-imħabba għalikom?
Sander: Rispett u paċenzja ta’ kuljum.
Alison: Li jiġri x’jiġri tkun hemm għal dik il-persuna.
X’inhuma l-aspirazzjonijiet tagħkom bħala koppja?
Sander: Xejn kbir ta….li nqumu filgħodu, kafè u ngawdu l-kumplament tal-ġranet mill-aħjar li nistgħu.
Alison: Ngħixu kwieti, kuntenti u relaxed u jekk jista’ jkun induru d-dinja.
X’inhuma l-ħsibijiet tagħkom dwar Jum San Valentinu?
Sander: Jien għalija jista’ lanqas biss jiġi!! Ma jagħmillix differenza f’ħajti. Fl-istess ħin bħal kull festa oħra, għal min iħobb jiċċelebrah, sewwa jagħmel għax il-ħajja hija mimlija okkażjonijiet issa jagħmlux sens jew le…dik storja oħra!!
Alison: Jum San Valentinu għandu jkun kuljum, però huwa sabiħ li tiċċelebra jum iddedikat għall-imħabba, issa l-imħabba m’hemmx għalfejn biss għal partner, imma familja, ħbieb eċċ.
Kif beħsiebkom tqattgħu Jum San Valentinu?
Sander/Alison: Min jaf!! Dak is-sabiħ tar-relazzjoni tagħna, li filli nkunu fuq sufan id-dar…filli kapaċi nispiċċaw b’xi flixkun inbid jekk insibu booking! Niċċelebraw il-ħajja!!

Direttriċi u Editriċi