B’kollaborazzjoni ma’ Mr. Clayton Balzan (Stilista tax-xagħar).

Huwa fatt magħruf illi fix-Xitwa, il-kesħa taf toħloq żbilanċ iktar qawwi f’ċerti kundizzjonijiet li wieħed ikun normalment diġà qiegħed ibati bihom matul is-sena, bħall-ġilda u xagħar xotti jew żejtnin.

F’każ fejn il-problema tkun ġilda jew xagħar żejtni estrem, dan ikun qed jiġri għaliex iktar żejt, jew aħjar “sebum”, ikun qed jiġi mill-glandoli “sebaceous”. Dan iż-żejt normalment jintuża sabiex wieħed jitlef inqas ilma minn ġismu, jipprevjeni infezzjonijiet, speċjalment minn bakterji u fungi, u jifforma wkoll parti mill-produzzjoni tal-għaraq. Dan iż-żejt jgħin wkoll sabiex wieħed ikun jista’ jżomm temperatura tajba ta’ ġismu; għaldaqstant fix-Xitwa, jista’ jkun qed joħroġ iktar żejt sabiex wieħed iżomm f’livell adekwat is-sħana tal-ġisem.

Għaldaqstant, huwa importanti li min qiegħed ibati minn żejt eċċessiv fix-xagħar, juża’ “shampoo” apposta li jnaddaf sew il-qurriegħa minn kull tip ta’ żejt żejjed. Kif ukoll, wieħed għandu jogħrok xagħru sew għal darbtejn, bix-“shampoo”. Idealment, dan jitħalla jaħdem għal madwar żewġ minuti, qabel ma jitlaħlaħ bl-ilma. Ammont żgħir ta’ “conditioner” xorta jista’ jintuża minn min għandu xagħar żejtni. Kif ukoll, huwa importanti li f’dan il-każ, ix-xagħar ma jinħasilx b’misħun qawwi, ħalli l-pori ma jibqgħux miżdudin, u nevitaw ukoll it-telf ta’ xagħar, kaġun ta’ nuqqas ta’ arja li tkun għaddejja mill-pori. Wieħed għandu jara li japplika prodotti apposta kontra d-danni mis-sħana żejda, meta jkun se juża’ xi tip ta’ apparat li jarmi s-sħana biex jagħmel xagħru, bħal “hair straightener”, jew “curling iron”. Prodotti oħra, bħal “serums” tax-xagħar għandhom jiġu applikati f’inqas ammonti, fit-truf tax-xagħar biss.

Kundizzjoni oħra li hija komuni f’dan iż-żmien, hija dik ta’ ġilda jew qurriegħa xotta. Din tista’ tiġi ikkawżata minħabba li din id-darba, il-glandoli “sebaceous” ikunu qed jaħdmu iktar bil-mod. Iżda meta l-kesħa tkun qiegħda tixxotta iktar il-ġilda min-naħa ta’ barra, jaf ikun hemm iktar qoxra li tifforma; kemm fix-xagħar jew madwar il-ġilda, li jkun fiha diversi ċelloli mejta. Dawn jistgħu jirriżultaw f’ħakk jew saħansitra xi ftit qsim, fejn jaf joħroġ ukoll xi demm.

Fil-każ ta’ qurriegħa xotta, jew saħansitra, formazzjoni ta’ qoxra żejda, huwa vitali li wieħed l-ewwel jara x’possibilment jista’ qiegħed jikkawża din il-kundizzjoni. Dan għaliex hawn diversi tipi ta’ “moisture shampoos” adattati għal problemi differenti fix-xagħar jew fil-qurriegħa. Wieħed għandu jevita li jħokk rasu kontinwament ħalli ma tinstelaħx il-ġilda, u jevita wkoll li jitqaċċat ix-xagħar minn mal-basla. F’din is-sitwazzjoni, l-“conditioner” għandu jiġi applikat fit-truf tax-xagħar biss, u idealment jitħalla għal madwar 10 minuti qabel ma’ jitlaħlaħ bl-ilma, sabiex ix-xagħra tieħu l-ikbar ammont ta’ idrazzjoni. Prodotti oħra, bħal dawk li jaħdmu kontra d-danni mis-sħana, jew kontra t-tagħqid eċċessiv tax-xagħar, jistgħu jintużaw skont l-esiġenzi tal-individwi.

Għandna naraw ukoll li nixorbu l-ilma spiss ħalli nżommu kemm il-ġilda u anke x-xagħar iktar idratati u radjanti. Xi xarbiet oħrajn bħal “green tea”, jew xi ftit misħun bil-lumi jgħinu wkoll sabiex il-ġisem jissaffa minn diversi tossiċi u impuritajiet.

Jekk tixtieq issegwi l-blog tiegħi, tista’ tagħmel dan billi tagħmel ‘like’ fuq din il-paġna ta’ Facebook:

×Be Holistically Healthy, MD×

Jekk tixtieq tagħmel kuntatt mal-istilista tax-xagħar, Mr. Clayton Balzan, jekk jogħġbok żur din il-paġna:

Fiamminage | Facebook

Jekk għandek xi mistoqsijiet li trid tistaqsi jew xi suġġett li tixtieq li nitkellmu dwaru ibgħatilna fuq info@skoperta.net

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks