Select Page

Nhar il-Ħadd li għadda, 14 ta’ Frar, proprju f’Jum San Valentinu, il-Prinċep Harry u Meghan Markle ħabbru li qed jistennew it-tieni wild tagħhom.

Din id-data hi waħda speċjali għall-familja Rjali, partikolarment għall-Prinċep Harry għaliex hija l-istess data li 37 ilu, il-Prinċipessa Diana kienet qasmet l-aħbar tat-tieni tqala tagħha.

Fi Frar tal-1984, il-Palazz ta’ Buckingham kien ħareġ dikjarazzjoni li l-Prinċipessa ta’ Wales kienet qed tistenna t-tieni tarbija.

Ftit xhur ilu, Meghan Markle qasmet l-esperjenza diffiċli li għaddew minnha f’Ġunju, minħabba korriment. Sorsi qrib tagħhom qalu li din it-telfa ressqithom eqreb xulxin f’ħafna modi, u minkejja li għadhom qed iġorru l-konsegwenzi tagħha, taw sapport kbir lil xulxin.

Il-koppja jinsabu eċċitati ħafna għat-tieni wild tagħhom tant li jqisuha bħala ħolma li ħa ssir realtà.

Minkejja d-diżgwid u l-kontroversji li nqalgħu wara li fil-bidu tas-sena li għaddiet Harry u Meghan telqu mill-irwoli tagħhom bħala membri tal-familja rjali, kelliem għall-palazz ta’ Buckingham qal li r-Reġina Eliżabetta, il-Prinċep Philip, il-Prinċep Charles u l-familja rjali kollha jinsabu kuntenti b’din l-aħbar u jawgurawlhom.

Madanakollu, is-sitwazzjoni bejn il-koppja u l-familja rjali kompliet tikkumplika ruħha f’dawn l-aħħar sigħat hekk kif ġie żvelat li Oprah Winfrey se tkun qed tintervista lil Harry u lil Meghan dwar l-esperjenzi tagħhom mal-familja rjali.

Fl-intervista esklussiva ta’ 90 minuta, li se tkun qed tixxandar fuq CBS fis-7 ta’ Marzu, mistennija jiġu żvelati dettalji dwar il-ħajja u l-esperjenzi personali tal-koppja. Minkejja li sors viċin tagħhom qal li huma m’għandhom l-ebda intenzjoni li jagħmlu ħsara lir-Reġina u l-familja rjali, xorta waħda żdiedet ċerta tensjoni għaliex qed jingħad li din l-intervista se tkun qed tiddetermina d-deċiżjoni tar-Reġina dwar jitneħħewx mill-patroċinji rjali li fadlilhom, inklużi t-tliet titli militari li tant huma għal qalb Harry.

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks