Wara li bosta atturi esprimew magħna xi jfissru għalihom il-klieb tagħhom, aktar personalitajiet qasmu magħna r-rabta li għandhom mall-klieb tagħhom u l-imħabba bla kundizzjoni li jirċievu lura.

Andreana DeBattista: Nacho huwa parti mill-familja. Nista’ ngħid li nikkunsidrah bħala l-baby tiegħi. Ma tantx jobdini għax iktar jisma’ mill-partner tiegħi Alan imma naf li jifhem għax meta jkun irid xi treat jobdini mal-ewwel! Però meta niġu għall-fsied nirbaħ jien għax għalkemm daqsxejn kbir u minn barra jidher feroċi, veru ħelu u mans u tgħidx kemm hu fessud!

Moira Delia: Din hija Ċikka, l-ewwel snin ta’ ħajjitha għexithom ġo basement! Ċikka magħna għal ħajjitha kollha, la darba ikkommettejna ruħna u bit-tajjeb u l-ħażin li se naffaċċjaw flimkien, hi membru tal familja tagħna. Ċikka tibża’ ħafna mill-għajjat (probabilment għaddiet minn abbuż meta kienet żgħira) allura d-dar ġiet tajba issa għax meta jkollna argument problema jekk ngħollu leħinna. Ċikka reġgħet imliet il-vojt li ħallitilna l-kelba ta’ qabilha Nina.

Richard Micallef: Aħna ma narawx lil Micsy bħala l-pet tagħna imma pjuttost membru tal-familja tagħna, hi bidlet l-appartament tagħna f’dar. L-imħabba li kelb jagħti lura lilek ma tista’ tikkumparaha ma’ xejn. Unika. Qatt ma jkun hemm mument li tkun irrabjata magħna, qatt ma jkun hemm mument li ma tkunx kuntenta li tarana, qatt ma tilmenta u sempliċement togħrkilha ftit żaqqha tferraħha ħafna. Il-klieb kollha ħelwin u l-Micsy tagħna mhix eċċezzjoni.

Claudia Faniello: Qabel ma kelli lil Leila, ma kinitx tgħaddili minn moħħi kif tista tkun ħajti fil-kumpanija ta’ kelb, issa li għandi lil Leila, ma nimmaġinax ħajti mod ieħor u l-biża li għad xi darba nitlifha, ta’ spiss tgħaddili minn moħħi. Leila għalija mhix pet, hija ħafna iżjed, membru ieħor tal-familja u għażilt dan ir-ritratt għax jirrappreżenta perfettament il-ferħ li timlini bih kuljum.

Glen Vella: Il-kelb kien dejjem annimal li kien prezenti d-dar minn tfuliti. Bħalissa qed irrabbu żewġt iklieb; ‘Bobby’ l-anzjan fessud tagħna li illum għandu madwar 14-il sena u ‘Spagettu’, il-fessud enerġetiku li għandu madwar sentejn. It-tnejn li huma adottajnihom mis-santwarji Maltin. Iġibu ħafna hena u paċi fid-dar u ħajti qatt ma nista’ nimmaġinaha mingħajr il-preżenza tagħhom. Għal min għandu mħabba x’jagħti lill-annimali nħeġġiġkom li tieħdu l-pass responsabbli u trabbu, u fejn tistgħu addottaw u mhux tixtru. L-annimal jekk turih li tħobbu ħa jħobbok lura b’imħabba għamja u bla kundizzjonijiet.

Claire Agius Ordway: Jiena qatt ma kont naf xi tfisser li jkollok pet, imma t-tfal tiegħi kienu jibżgħu u dik kienet iddejjaqni ħafna. Meta ġibna lil Ġorġ inkwetajt ħafna għax jiena kont naħseb ħafna fuq l-indafa imma ġietni opportunità fejn kont naf li stajt inġib lil Ġorġ. Kien għadu puppy u t-tfal iffissaw. Inkwetajt għall-bidu iżda ladarba ġie d-dar ma kienx ħa jitlaq. U mnalla! M’iniex qed nesaġera imma l-imħabba li għandna għal Ġorġ hija esaġerata. Iħobb jitfissed u jħobbni dejjem. Kif naslu d-dar jifraħ biss u jħares lejja b’ħarsa ġenwina meta noqgħod ngħidlu li nħobbu u nkellmu. Ġorġ biddel lilna kollha u għalina importanti ħafna.

Ivan Gaffiero: Liza għandha 4 xhur. Inħoss li għandi tifla oħra. Tifhem ħafna u vera brava. Inħoss li din żgur qatt ma tweġġagħni. Taf tħobb. Illum Liza hija parti mill-familja Gaffiero . Toqgħod magħna u tkun qed tistenna l-ħin li tarani dieħel fis-sodda.

Kylie Coleiro: Shandy hija ħajti litteralment. Inħares lejha ninsa kull ħsieb ta’ nkwiet li jaf ikolli! Din il-kelba adottajniha għax kienet f’sitwazzjoni ta’ moħqrija u ma jiddispjaċini xejn li saret il-qofol tal-familja tagħna! Praspar tagħmel kemm trid saħansitra mhux l-ewwel darba toqgħod tiġri bil-ħwejjeġ tagħna min-naħa għall-oħra tad-dar.

Eleanor Cassar: Cutie, għandha 9 snin. Il-kelba li baqgħet imsemmija għas-sorpriża tiegħi fuq Xarabank. Kelba kwieta ħafna, intelliġenti u tħobb tiekol ħafna wkoll. Carina, għandha 8 snin. Ġiet bla ħsieb fil-familja tagħna. Kelba fessuda, dħulija u tħobb ħafna l-attenzjoni. Hija d-dell tiegħi għax kull fejn immur tiġri warajha. Il-klieb minn dejjem kienu f’ħajti, inħobbhom u paċenzjuża magħhom.

Clare Agius: L-ewwel u l-unika għażla tiegħi biex inġib kelb hija dejjem li nadotta. Iridu jkunu tajbin għal mat-tfal u ma jinbħux għalxejn. Phoebe ġiet salvatha mill-Animal Welfare qabel adottajniha aħna, u ma stajniex nagħmlu għażla aħjar. Inħobb il-karattru playful tagħha, dik il-ħarsa tagħha ta’ ancient goddess u l-mod ta’ kif tħares lejna.

Andrea Cassar: Harley huwa kelb adorabbli, iġegħelni nħossni sikura u maħbuba ħafna …. huwa l-eżempju perfett ta’ mħabba bla kundizzjonijiet.

Ronald Briffa: Jisimha Nina – ma’ kellix sehem fl-għoti tal-isem, għax ħadu ħsiebu in-neputijiet tiegħi. Hi parti sew tal-familja, għandna relazzjoni tajba ferm, u mal-ewwel ċans li jkollna, dejjem insibu ċans nagħmlu sfidi żgħar lil xulxin, anke jekk ħafna mid-drabi tilgħab kemmxejn salvaġġ Naqbad magħha għax żiedet il-piż sew u għandha bżonn timxi aktar (u tmexxi lilna magħha)

Josmar u Ryan: Rocco huwa litteralment it-tifel tagħna. Meta nippjanaw il-ġurnata tagħna kuljum naraw li niddedikaw ħin ta’ kwalità biżżejjed għal miegħu. Minn mindu daħal id-dar Rocco mela d-dar u il-ħajja tagħna kompletament. Kull rokna tad-dar hemm xi ħaġa li tfakkarna fih. L-imħabba li tana hija indeskrivibbli.
