Select Page

Nitkellmu ma’ Daniel Muscat Caruana

Daniel, għaddew biss ftit ġranet mindu int u l-mara tiegħek Vanessa sirtu ġenituri. Kif qed tħossok?

Minkejja li tkun ilek tistenna dan il-mument għal disa’ xhur sħaħ, xorta waħda ma tkunx taf x’se tħoss eżattament wara li jitwieled. Waqt it-tqala jkun hemm antiċipazzjoni sħiħa, iżda fl-istess ħin bħala missier f’dak il-perjodu mhemmx wisq x’tista’ tagħmel ħlief tkun ta’ sapport għall-mara. L-ewwel darba li propjament irrealizzajt x’kien qed jiġri, kien waqt il-ħlas x’ħin il-midwife talbitni l-ħwejjeġ tat-tarbija sabiex tibda ssaħħanhom, għaliex kien verament wasal il-mument li jitwieled. Fil-fatt madwar nofs siegħa wara, Valentino twieled u x’ħin smajt għall-ewwel darba l-bikja tiegħu, ħassejt ferħ li qatt ma ħassejt qabel u li qatt ma immaġinajt li nista’ nħoss. Issa li għaddew ftit ġranet qed inħossu wkoll ir-responsabbilità li ġġib magħha din il-kariga ta’ ġenituri, iżda x-xogħol kollu li jrid isir u n-nuqqas ta’ rqad li jġib miegħu huwa kollu worth it, għax sempliċiment tħares lejh ukoll tħoss qalbek mimlija ferħ.

Kif qed jirnexxilkom tadattaw għal dan il-kapitlu ġdid f’ħajjitkom?

Il-bidla mil-lejl għan nhar mhix waħda faċli. Għalkemm tkun attendejt kors waqt it-tqala, li fil-każ tagħna din is-sena sar virtwalment, u għalkemm jgħallmuk ħafna dwar dak kollu li għandek tistenna, meta tkun fir-realtà hija storja differenti ħafna. Mhux dejjem faċli li tifhem x’għandha bżonn it-tarbija, iżda ġurnata wara ġurnata tibda tidra r-rutina ġdida. Qiegħdin naħdmu tajjeb ħafna t-tnejn li aħna flimkien u nipprova ngħin kemm nista’ lil Vanessa sabiex il-piż ma’ jaqax kollu fuqha. Issa li jiena se nirritorna lura għax-xogħol tiegħi ser jaqa’ aktar xogħol fuqha, però nittama li nkunu nistgħu nibqgħu nsibu bilanċ tajjeb biex naqsmu x-xogħol bejnietna.

Valentino, l-isem li tajtu lit-tifel tagħkom. Hemm xi raġuni partikolari?

Jiena trabbejt, u għadni ngħix ġewwa Ħal Balzan, ir-raħal verament għal qalbi. Minkejja li l-festa titulari tar-raħal tagħna hija ta’ Marija Annunzjata, f’Ħal Balzan hawn qima kbira wkoll lejn il-qaddis San Valentino, li sas-snin 90 kienet għadha tiġi ċċelebrata l-festa tiegħu bin-nar tal-art, banda u purċissjoni fl-ewwel Ħadd ta’ Lulju. Jiena propjament kont twilidt fis-7 ta’ Lulju 1991, meta kienet qiegħda tiġi ċċelebrata din il-festa. Dejjem xtaqt li l-ewwel tifel jew tifla li jkollna nagħtuhom isem relatat mat-tradizzjoni li ssemmi għal xi padrun tar-raħal. Meta kont għidt lil Vanessa b’din ix-xewqa hija qablet miegħi, u meta rajna l-possibilità hi kienet li ssuġġeriet Valentino bħala isem. Valentino huwa isem li fil-passat kien komuni ħafna ġewwa Ħal Balzan, kif ukoll il-kunjom Muscat. Hawnhekk issib ukoll triq imsemmija għal San Valentino u triq oħra msemmija għall-personaġġ Balzani Valent Muscat. Meta tħares lejn l-istorja tar-raħal, dejjem se ssib lil xi ħadd bl-isem Valentino.

Xi jfisser li tkun qed tistenna tarbija waqt pandemija?

It-tqala minnha nfisha diġà hija żmien diffiċli, speċjalment għall-mara għaliex filwaqt li ġġib magħha eċitament kbir għall-istennija tat-tarbija, iġġib magħha wkoll inċertezzi. It-tqala fi żmien il-pandemija kienet daqxejn iktar diffiċli għall-fatt li ridna noqgħodu ħafna aktar attenti fejn immorru u x’nagħmlu. L-aktar ħaġa inkwetanti kienet il-fatt li jekk tkun pożittiv waqt it-twelid, ikollok tinfired mit-tarbija sakemm tkun fiqt mill-Covid19. Dan il-fatt kien joħloqli ansjetà kbira, u għalhekk biex inkunu siguri għażilna li niżolaw ruħna għall-aħħar xahar tat-tqala sabiex inkunu moħħna mistriħ. Xi ħaġa oħra li kienet diffiċli kienet il-fatt li jien ma stajtx nidħol għall-visti tal-isptar ma’ Vanessa. Sfortunatament minħabba nies irresponsabbli li ma segwewx il-miżuri ta’ mitigazzjoni, kienu jbatu nies bħalna kull meta jkun hemm xi azzjoni min-naħa tan-nurses jew tobba, u dan kien iżid aktar it-tensjoni. Però matul dan iż-żmien dejjem sibna s-sapport u l-għajnuna mingħand il-midwives tal-Parent craft, speċjalment mingħand Sharon li kienet tmexxi l-grupp tagħna. Minkejja li dawn il-lezzjonijiet saru online, ħadna ħafna minnhom u konna nkunu qed nistennew din il-video call, għaliex apparti li nitgħallmu, kienet tkun ukoll mezz ta’ soċjalizzazzjoni fi żmien fejn ma stajna niltaqgħu ma’ ħadd.

Ritratt meħud minn Marlon Polidano

Il-fatt li sirt missier, biddillek xi ftit il-perspettiva ta’ kif tħares lejn il-ħajja?

Il-perspettiva ta’ kif tħares lejn il-ħajja tinbidel bilfors. Filli ħajtek tkun tiegħek u filli trid taħseb għal persuna li hija kompletament dipendenti minnek. Issir tifhem ukoll l-imħabba li jkollok għall-ulied kemm hi kbira, li minkejja li forsi li xi kultant tkun ftit għajjien, x’ħin tħares lejh tinsa kollox. Tibda tifhem ukoll dak kollu li għaddew minnu l-ġenituri tagħna u tifhem aktar l-inkwiet li kien ikollhom fuq moħħhom, u forsi dak li għalina qabel kien għaġeb żejjed, illum naf li kien kollu għall-ġid tiegħi.

X’tixtieq tgħaddi lil Valentino dak li l-ġenituri għaddew lilek?

Nixtieq ngħaddi l-valuri kollha li tgħallimt mingħandhom, speċjalment li dejjem irid jaħdem u jistinka biex jimxi ‘l quddiem fil-ħajja. Nixtieq ngħallmu wkoll dejjem jirrispetta lil ħaddiehor u sabiex jasal fejn jasal fil-ħajja, jibqa’ dejjem jiftakar l-għeruq tiegħu. Nixtiequ wkoll ikun iħobb il-kultura ta’ pajjiżna u li jkun bniedem attiv fil-komunità bħal ma dejjem konna fil-famlija tagħna.

Fuq il-midja soċjali għidt li minn dejjem kont tirrispetta lin-nisa, imma issa ħafna aktar. Għaliex?

Minn dejjem kont nemmen li l-irwol tal-mara fis-soċjetà huwa importanti ħafna f’kull livell, kemm fil-famlija, fid-dinja tax-xogħol kif ukoll fil-politika. Sfortunatament is-soċjetà mhux dejjem tagħmilha faċli għall-mara li tasal fejn tixtieq, speċjalment jekk tkun qiegħda tieħu ħsieb l-ulied.

Fil-mument tal-ħlas, minkejja li pruvajt inkun ta’ sapport kemm stajt, xorta ħassejtni li ma stajtx nagħmel biżżejjed, speċjalment meta tara lill-mara tbati u muġugħha. Kienet impressjonanti li tara persuna tgħaddi minn l-esperjenza tal-ħlas u ġġib tarbija f’din id-dinja, u tirrealizza kemm il-mara hi kapaċi tkun b’saħħitha biex tgħaddi minnha, u ftit wara tkun kapaċi tieħu ħsieb it-tarbija li tkun għadha kemm welldet b’tant tbatija.

In-nisa kollha, ommijiet jew le, huma individwi b’kapaċitajiet kbar u għalhekk jistħoqqilhom ir-rispett kollu u nittamaw li l-isforzi biex naraw aktar nisa fid-dinja tax-xogħol u fit-tmexxija ta’ pajjiżna jħallu l-frott. Nemmen li rridu nimbuttaw aktar nisa jkunu attivi mhux billi nagħmlulhom kwota, iżda billi nagħmluhielom aktar faċli li jkunu attivi, għaliex bil-kapaċitajiet tagħhom biss huwa biżżejjed li jkollna aktar nisa f’pożizzjonijiet prominenti fis-soċjetà tagħna.

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks