“Il-ġisem ta’ ibnek aċċetta t-trapjant.”
Kienet triq twila. Aldo beda jiġi f’tiegħu bilmod. Għalkemm kien qed jagħmel progress kuljum, it-triq għall-fejqan kien pjuttost delikat.
Kien qiegħed bilqiegħda. It-tieqa li tagħti għall-ġnien tal-isptar kienet eżatt quddiemu u kien dara jħares ‘l barra u jixtieq li jasal il-jum li joħroġ. Kultant kien għadu jħossu stordut. Ħares lejn idejh u ra l-pajpijiet li kienu mqabbdin ma’ idejh u kien dara jisma’ l-ħoss tal-magna tal-qalb.
“Grazzi,” beda jgħid minn taħt l-ilsien. Xtaq ikun jaf din il-qalb il-ġdida ta’ min setgħet kienet.
Semgħa l-bieb tal-kamra jinfetaħ bilmod. Ta titwila u peress li x-xemx li kienet dieħla mit-tieqa kienet faċċata ma tantx setgħa jarah sew.
Fil-bidu ħaseb li kien ġie jarah wieħed minn sħabu tal-iskola, għaliex il-figura kienet xi daqs tiegħu.
“Kif inti Aldo?”
Aldo kważi qabeż minn fuq is-sodda.
“Stefan, inti x’inti tagħmel hawn?” staqsieh.
“Kont fil-kamra ta’ ħdejk u ġejt nittawwallek,” wieġbu Stefan.
Aldo ħass wiċċu jiħmar. Ħadd minn dawk sħabu l-oħra ma kien indenja jiġi jittawwallu u jaraw kif kien sejjer. Ħadd minnhom ma kien ta kasu. Lanqas ħadd. Stefan biss.
“Stefan….” qal Aldo, iħoss qalbu tingħafas. “Int kif inti?”
“Issa aħjar.”
“Aħfirli Stefan ta’ kull darba li qbadt miegħek. Int biss ġejt tarani.” Leħen Aldo kien miksur.
“Naħfirlek.” Stefan tbissimlu.
Dak il-ħin, Aldo ħass qalbu timtela bil-ferħ. Qatt ma kien induna kemm kien ħelu Stefan. Qatt ma kien tah ċans ikellmu. U issa li kellmu, issa kien jaf li Stefan kien tabilħaqq tifel gustus u ġentili.
“Stefan….issa la noħroġ, issa nkunu ħbieb. Grazzi talli ġejt tara kif jien.”
Stefan sellimlu u ħareġ ‘l barra.
Beda jmur ħdejh kuljum. Daqqa jilgħabu, daqqa jiċċajtaw u anke jitkellmu fuq ħajjithom. Aldo kien sar iħobbu. Kien sar iħobb lil dak it-tifel ħelu b’wiċċu mimli nemex.
“Nistgħu nibgħatuk,” qallu darba fost l-oħrajn il-professur.
Għalkemm Aldo kien feraħ li kien sejjer lura lejn id-dar, kien jaf li lil Stefan kien ser jimmissjah mhux ftit. Dakinhar, fl-aħħar jum tiegħu fl-isptar, Stefan ma kienx ġie jarah u Aldo mar ifittxu fil-kmamar iżda ma kienx sabu.
Issa narah l-iskola, ħaseb bejnu u bejn ruħu. Inkunu ħbieb.
Aldo beda jmur l-iskola. Fil-bidu kien ibati biex iħossu normali, iżda saħħtu kienet qegħda terġa tiġi lura f’postha. Lil sħabu l-antiki kien beda jevitahom. Iżda l-iskrivanija tal-iskola fejn kien ipoġġi Stefan kienet baqgħet vojta.
“Forsi bidel l-iskola.”
“Forsi telqu minn hawn.”
“Le ma jistgħax ikun. Ġie jarani l-isptar.”

Il-ġimgħa d-dieħla…..ir-raba’ u l-aħħar parti ta’ dan ir-rakkont…

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks