Nitkellmu ma’ Manwel Caruana
Manwel, grazzi talli lqajt l-istedina tagħna għal din l-intervista.
Nafu li ilek tgħix l-Awstralja għal ħafna snin. Kemm kellek żmien meta emigrajt u x’tifkiriet għandek tal-vjaġġ u l-ewwel impressjonijiet tiegħek tal-post?
Fl-1963 missieri Pinu u wieħed minn ħuti l-kbar waslu l-Awstralja. Kien eżattament fil-festa ta’ Santa Marija, il-15 ta’ Awwissu 1963. Imbagħad fil 5 ta’ Marzu 1964, ommi Katarin, it-tlett ħuti l-oħra u jiena ż-żgħir, tlaqna minn Malta. Minn meta telaq missieri minn Malta sakemm tlaqna aħna, kont noqgħod nipprova nifhem ir-raġuni li kellna nitilqu aħna wkoll.
Kont nitlob lil ommi biex jien nibqa’ ngħix Malta maz-zija. Ħafna drabi staqsejt lil ommi tispjegali kif aħna li konna Maltin kellna nitilqu minn gżiritna filwaqt li barranin setgħu jibqgħu jgħixu hawnhekk. Ommi qatt ma tatni sodisfazzjon. Malta kellna ħajja sempliċi u konna ferħanin. Aħna minn Ħaż-Żebbuġ minn Ħadda tal-Grazzja u konna ħafna kuġini miż-żewġ naħat, noqgħodu kollha fl-istess triq.
Jiena sa dak iż-żmien qatt ma kont smajt bl-Awstralja u aktar ma ridtx inkun naf dwarha. Il-vjaġġ lejn l-Awstralja kien wieħed twil u ta’ swied il-qalb. Ħassejtni qisni sejjer għall-forka għax kont naf li m’hemmx triq oħra. Wara xahar nivvjaġġaw wasalna Altona, post mal-baħar, xi nofs siegħa bogħod mill-belt ta’ Melbourne. Hekk, il-familja tagħna reġgħet ingħaqdet. Kellna trobbija tajba ħafna imma l-weġgħa baqgħet hemm u sfortunatament se tibqa’ hemm sa mewti.

Kellek xi diffikultajiet biex tintegra fis-sistema edukattiva imbagħad ‘il quddiem anke fid-dinja tax-xogħol?
Malli wasalna, ommi kitbitni l-iskola. Jien ftit kont nifhem bl-Ingliż. Sintendi, il-Malti kont nafu tajjeb għalkemm ma kontx naf niktbu sew għax jien kont nitkellem bid-djalett Żebbuġi biss. Minħabba n-nuqqas ta’ għarfien tiegħi fl-Ingliż kelli nirrepeti sena. Din kienet daqqa ta’ ħarta oħra għalija.
L-iskola kien hemm ħafna studenti Maltin mwelldin kemm Malta u kemm l-Awstralja. Kien hemm tifel minnhom li l-ġenituri tiegħu kienu mill-Mellieħa. Kien jagħmilha tal-interpretu tiegħi u naħseb li kont inġennu ftit. Meta wasalt il-ħames sena tas-sekondarja, spiċċajt jien biss Malti fil-klassi. Kont inħossni qisni sulfarina fil-baħar. Kont dejjem neqred u newden biex jibgħatuni lejn Malta. Fl-aħħar kelli naċċetta li xewqti qatt ma kienet se sseħħ.
Komplejt l-iskola u wara dħalt naħdem mal-gvern. Hemmhekk kien hemm ġuvni li l-ġenituri tiegħu kienu Żabbarin. Kien fl-istess grad bħali u mill-ewwel sirna ħbieb tal-qalb. Minn hemm iddeċidejt li nidħol fis-Civilian Military Forces Signals. Kont Malti waħdi u hemmhekk domt erba’ snin u nofs. Integrajt ħafna u l-Ingliż ṣ’issa kont qbadtu sew. Għamilt ħafna ħbieb u qisu bħala sfida ma kontx noqgħod mal-Maltin imma naturalment id-demm Żebbuġi dejjem baqa’ jbaqbaq ġo fija.
Barra x-xogħol tiegħi, bdejt negozju ieħor li semmejtu Melita Drafting Service. Negozju li rnexxa ħafna fejn kont noffri servizz ta’ disinni ta’ pjanti tad-djar. Ħdimt ma’ ħafna nazzjonalitajiet differenti. Fuq ix-xaqliba tagħna kien hawn ħafna Maltin u jien minn naħa tiegħi bdejt nitkellem aktar bil-Malti milli bid-djalett Żebbuġi magħhom, però nammetti li qatt ma ħassejtni komdu għax id-djalett nippreferih.
X’tifkiriet għandek ta’ raħal twelidek?
Il-ħajja fl-Awstralja hija totalment differenti minn Malta u tintegra kemm tintegra dejjem tħoss dik ix-xi ħaġa nieqsa minn ħajtek. Meta kont ċkejken niftakar li n-nannu Ġuzepp (bil-laqam ta’ Ċpajpu) kien akkanit ħafna għall-festa ta’ San Ġużepp. Din hija festa sekondarja ġo Ħaż-Żebbuġ. Aktar ma għadda ż-żmien aktar sirt bħan-nannu jiġifieri sirt akkanit ħafna bħalu għal din il-festa, li anke missieri baqa mistagħġeb. Bdew jaqbduni ħafna dwejjaq u nostalġija ta’ Ħaż-Żebbuġ u għalhekk ħadt l-inizzjattiva biex nibda għaqda Żebbuġija. Din l-għaqda rnexxiet imma peress li l-patrun ta’ Ħaż-Żebbuġ huwa San Filep u jien kont ġej minn familja akkanita tal-festa ta’ San Ġużepp inħolqu xi disgwidi u wara seba’ snin ta’ ħidma intensiva, iddeċidejt li nirriżenja.
Kemm tħoss li hu importanti li l-emigranti jibqgħu jitkellmu bl-ilsien Malti u saħansitra anke bid-djalett raħli?
Jien iżżewiġt mara ta’ dixxendenza Irlandiża. Il-familja tagħha kienu minn l-ewwel nies li emigraw lejn l-Awstralja. Minn dan iż-żwieġ twieldu Mark u Lisa. Minn meta t-tfal ħadu l-ewwel nifs sal-ġurnata tal-lum jien inkellimhom bil-Malti biss. Ommhom ukoll kienet tmur iċ-Ċentru titgħallem il-Malti. Ġieli nqalgħu ċirkostanzi li kelli nikkomunika magħhom bl-Ingliż però dejjem sibt ħafna sostenn u inkoraġġiment minn omm it-tfal biex inkellimhom bil-Malti. It-tfal kienu jirrimarkawli li kont nitkellem differenti meta niltaqa’ ma’ ċerti Maltin għax lit-tfal kont inkellimhom bid-djalett Żebbuġi biss. Sal-lum mat-tfal nikkomunika bid-djalett anke meta nibgħatilhom il-messaġġi fuq ‘Messenger’. Jiddispjaċini li sfortunatament ħafna Maltin hawnhekk warrbu l-ilsien Malti jew iħalltu l-Ingliż u l-Malti u jużaw kliem bħal ma huma ‘nippikja’ ‘niddropja’ ‘jismokja’ ‘jittowja’ eċċetra.

Wara żmien twil f’pajjiż barrani wieħed ikun dara sew il-kultura tal-post. Madanakollu inti għadek issegwi drawwiet u tradizzjonijiet Maltin bħal pereżempju fit-tisjir, it-tiżjin tal-Milied eċċetra?
Għalkemm adattajt ruħi sewwa l-Awstralja, it-tradizzjonijiet Maltin kienu u dejjem jibqgħu parti mill-ħajja tiegħi ta’ kuljum. Bħala ikel Malti hawnhekk issib tixtri minn kollox pastizzi u qassatat, ravjul, zalzett, tin, mazzit, bajtar tax-xewk eċċetra. Issib dak kollu li jkollok aptit. Lit-tfal tiegħi u n-neputijiet dejjem intennilhom kemm huma xortihom tajba li jistgħu jħaddnu żewġ kulturi hekk sbieħ u differenti minn xulxin, dik Maltija u dik Awstraljana.
Kif tħobb tqatta’ l-ħin tiegħek mal-familja u tgħidilna ftit dwar il-ġugarelli li tħobb tibni għan-neputijiet?
L-għaxqa tiegħi nqatta’ l-ħin mal-familja. Lin-neputijiet inħobb nivvintalhom xi logħob u naħdmilhom il-ġugarelli jiena stess bħal ngħidu aħna xi karrettun jew ħamiema (tajra). Fil-Milied imbagħad nagħmlilhom il-presepju maħdum mill-karta pesta u mżejjen bil-pasturi tat-tafal. Fil-quċċija lin-neputijiet inħobb nagħtihom bandiera Maltija u oħra Awstraljana bħala rigal.

Nafu li l-Maltin ifittxu l-kumpanija ta’ xulxin. Xi tgħidilna fuq il-komunitajiet Maltin ġewwa l-Awstralja?
Jiena noqgħod ftit minuti biss ‘il bogħod mill-Klabb tas-Sajjieda Maltin fejn il-biċċa l-kbira nhar ta’ Ħadd ikun hemm l-għana. Ftit aktar ‘il bogħod hemm klabbs Maltin oħra fosthom tal-boċċi u tal-‘football’. Hemm ukoll Ċentru Kulturali tal-Malti u Klabb Għannejja Maltin Western Suburbs, li hu l-uniku klabb tal-għannejja fid-dinja. Il-Maltin ifittxu lil xulxin u jqattgħu il-ħin flimkien f’dawn il-klabbs. Ħafna minna l-emigranti għadna ngħożżu sew id-drawwiet Maltin speċjalment l-importanza tal-familja, kif konna meta tlaqna minn Malta.
Kif tħobb iżżomm kuntatt ma’ qrabatek f’Malta? Tużaha l-midja soċjali?
Iva, il-midja soċjali nużaha biex inżomm kuntatt mal-qraba u ħbieb ġewwa Malta u madwar id-dinja.
Meta kienet l-aħħar darba li żort Malta u x’tibdiliet rajt li laqtuk?
Xi tnax-il sena ilu ħadt lit-tfal Malta għall-ewwel darba. Peress li t-tifel Mark idoqq is-saxaphone kellu wkoll okkażjoni jdoqq fil-festa ta’ San Ġużepp, Ħaż-Żebbuġ. Wara dik id-darba it-tifel reġa’ mar Malta għall-festa ta’ San Filep u minn hemm imbagħad baqa jdur l-Ewropa. Minn Malta ġabli miegħu statwa ta’ San Filep u peress li hu bennej għamilli niċċa fl-intrata għal din l-istatwa. Mark iżżewweg tfajla Awstraljana u mal-ewwel ċans li kellu ħadha Malta biex juriha l-gżira tagħna.
Jien żort Malta l-aħħar fl-2018 u domt seba’ xhur. Btala sabiħa mmens u li ma ninsiha qatt. Innutajt li ħafna mit-tradizzjonijiet Maltin għadhom b’saħħtihom bħal festi, l-għana, il-logħob tal-boċċi u oħrajn. Ħaġa li laqtitni ħafna wkoll hija dik li l-Maltin saru jgawdu aktar minn qabel. Mingħajr ma nidħol f’politika għax personalment ma tinteressanix, osservajt li Malta saret tant sinjura f’qasir żmien.
Hemm xi messaġġ li tixtieq tgħaddi lill-Maltin u l-Għawdxin?
Id-djaletti tal-irħula huma sbieħ immens. Ħasra li qegħdin jinqatgħu. L-aħħar li kont Malta u tkellimt bid-djalett Żebbuġi kien hemm min qalli li bqajt lura u saħansitra għadda ż-żmien bija. Min-naħa tiegħi niddejjaq ħafna nisma’ min jitkellem bil-Malti u Ingliż flimkien. Inħoss li meta jsir hekk ikun qed jitkasbar l-ilsien Malti. Jekk Alla ħares qatt nitilfu l-ilsien Malti, dan ma jiġi lura qatt. Ħaġa oħra li ma niħux gost biha hija dik meta nirreferu għall-poplu bħala Maltin u Għawdxin. Ma nħossx li għandu jkun hemm distinzjoni għax aħna kollha Maltin.
Ix-xewa tiegħi hija li meta mmut, ġismi jinħaraq u l-irmied jittajjar minn fuq il-kampnar tal-knisja għal ġo Misraħ San Filep, Ħaż-Żebbuġ.
Nagħlaq billi nikkwota l-versi ta’ Manwel Dimech “Jien Malti, dan nistqarru kullimkien, sakemm ruħi f’ġismi tibqa’, nibqa’ ngħid li Malti jien”.
Viva Malta! Viva l-Awstralja!

Awtriċi