Ma nsuqx – u għalhekk nuża ħafna t-trasport pubbliku. Nista’ nikteb ktieb imsawwar fuq dak li nara u nisma’.
Ftit ilu kelli bżonn immur l-isptar. Għażilt li l-ewwel nagħmel qadja l-Ħamrun, imbagħad nirkeb minn hemm.
Bħas-soltu, kien hemm ħafna nies, kollha nistennew karozzi differenti. Hi u ġejja tal-isptar, raġel ħareġ idu, kif nagħmlu s-soltu, biex ix-xufier iwaqqaf u nirkbu. Deher biċ-ċar li ma kienx ħa jieqaf, għax ma ġennibx, u jien inżilt quddiemu biex jekk jibqa’ sejjer, itajjarni.
“Ma rajtux,” qalli, meta għidtlu li l-ieħor ukoll kien ipprova jwaqqfu. Kont nemmnu; imma kienet xemx tiżreġ.
Indunajt x’kien ġara. Billi kien hu biss li wera li xtaq jirkeb, mela allura, ix-xufier ħass li ma kellux għalfejn jieqaf.
Mela xi ħmistax ilu, fuq il-bieb ta’ karozza tal-linja, instema’ taħbit kbir. Bħalma ġieli jiġri, kien hemm xi ħadd li laħaq il-karozza biss wara li ngħalaq il-bieb.
“Nafu” li mhux suppost li x-xufier jerġa’ jiftaħ il-bieba… imma kieku nkunu aħna, żgur li nkunu rridu li x-xufier jikser ir-regolament.
Kien x’kien, ix-xufier ta’ din il-vettura ħares lejn in-naħa tal-bieba, kemmex xufftejh, refa’ spallejh… u baqa’ sejjer.
U bdiet il-litanija mill-passiġġieri. “Jaħasra, stajt ftaħtlu,” għidt jien lix-xufier, “Issa jasal tard fejn sejjer…” “U ajma int,” qabżet waħda min-naħa l-oħra… “Dak x’għandu x’jagħmel – dawn is-suwed mhux kollha gangijiet, fil-kantunieri, ġurnata sħiħa… dak kien sejjer jiltaqa’ ma’ sħabu l-Marsa jew Buġibba…”
“Int, bħalek, fejn tafu dan? Mela qallek? Mela tafu?” Staqsejtha jien.
Sadanitant, konna wasalna fuq l-istejġ li jmiss. Dan ir-raġel reġa’ kien hemm, bla nifs. Tela’ fuq il-karozza. Ħares lejn il-passiġġieri, u pponta lejn waħda xiħa. B’Malti perfett, iżda b’naqra aċċent, qal lix-xufier… “Ara, meta dik il-mara kienet tiela’, fl-istejġ l-ieħor, tilfet il-portmoni…”
Il-mara gerfxet fil-basket u qalet “iiii, vera. Kelli l-Kartanzjan f’idi u anqas biss indunajt…” u resqet lejn ix-xufier.
Kulħadd issomma. Dak il-ħin stess fetħet il-potrmoni u ħarġet €20 u newlithom lir-raġel.
“Le, Sinjura, grazzi. Għid talba għalija, biss biss.” U dar, u niżel mill-karozza. U x-xiħa baqgħet imbelħa, u bdiet tibki, u xi ħadd qam biex iwassalha lejn il-post fejn kienet qabel, għax lanqas felħet timxi.
U jien gdimt ilsieni. Anqas temmen, imma, dik il-mara ta’ qabel fetħet il-ħalq ta’ ċerna tagħha u qalet “Ara, tela’ ħmar ma’ arblu…”
U hawn deffist l-earbud l-oħra f’widinti (is-soltu waħda biss ikolli, kif jaf kull min jarani biha) biex żgur ma nismax iżjed oxxenitajiet bħal dawn. Imma mhux qabel ma tajtha ħarsa li nispera li ħolmitha ikrah bil-lejl.

Kittieba
Ġurnalista
Opinjonista