Nitkellmu ma’ Tania Bartolo

Tania, se tkun qed tinterpreta karattru f’Nostalġija, sensiela li se tibda tixxandar mid-29 ta’ Marzu fuq TVM. Naf li ma tantx tista’ tiżvela wisq, imma x’tista’ tgħidilna fuq Nostalġija u l-karattru li se tkun qed tinterpreta?

Nostalġija mżewwaq u fih ftit minn kollox. Se naraw xeni li jfakkruna fi żmien l-imgħoddi. Fih se nisimgħu wkoll kliem li llum ftit nisimgħuh jew m’għadux jintuża. Raħal minnhom li saħansitra jinsab ferm ‘il bogħod mill-progress. Nostalġija huwa kitba ta’ Ronald Saliba u direzzjoni ta’ Charles Stroud. Jiena se jkolli l-parti tal-Bejzża u minn hawn nixtieq nieħu l-okkażjoni u nirringrazzja lil Ronald Saliba li emmen fija u tani l-opportunità li nkun parti minn Nostalġija. Bejża tgħix ġo dan ir-raħal u miżżewġa .Tgħix ġo raħal ta’ Ħal Waħdu. Id-djalett mhux se jonqos għaliex lil Bejża se narawha titkellem bid-djalett u tgħix il-ħajja ta’ raħħala.

Minn fejn nibtet il-passjoni tiegħek għar-reċtar?

Bdejt minn età żgħira ta’ tmien snin. Kont nara drammi fuq it-televiżjoni u ma kontx nitlef wieħed għalkemm kont għadni żgħira. Kelli surmast tiegħi tal-iskola Frances Ebejer u niftakar kont immur fil-break fl-uffiċju tiegħu nistaqsih fuq is-sensiela Id-Dar tas-Soru u x’se jiġri. Għadni niftakar dik it-tbissima tiegħu. Naħseb kien jiggustani li ninteressa ruħi fid-drama. Kien għażilni biex nagħmel play tal-iskola u vera ħadt gost. Minn hemm ma ħaristx lura.

Kif bdiet il-karriera tiegħek ta’ attriċi?

Niftakar kont ma niflaħx u t-tabib tal-familja kienet Dr Marija Sciberras, li minn hawn insellem il-memorja tagħha, u niftakar meta ġiet tarani qaltli biex nitħajjar nibda mmur is-sala parrokkjali u mmur ngħinhom. Jien hekk għamilt. Kelli 11-il sena. Ġewwa r-raħal tagħna ż-Żurrieq kull sena kienu jagħmlu dramm tal-passjoni u kienu qaluli biex nieħu sehem. Vera kont ħadt gost u minn hemm bqajt nieħu sehem kull sena. Minn hemm nibtet ukoll l-imħabba tiegħi għall-Ġimgħa l-Kbira.

X’memorji għandek tal-ewwel produzzjoni li ħdimt fiha?

L-ewwel produzzjoni li ħadt sehem fiha kienet mall-kumpanija Hit Paraders ġewwa ż-Żurrieq . Kienet kummiedja bi tlett atti li kien jisimha Iż-Żewġ Statwi u kont għamilt il-parti tas-seftura. Konna mmorru nagħmlu rehearsal id-dar tal-ħbieb tiegħi Joe u Veronika Farrugia.

Liema produzzjonijiet li ħadt sehem fihom huma l-aktar għal qalbek?

Ħadt sehem f’ħafna produzzjonijiet u diffiċli li nagħżel. Minn kull produzzjoni tgħallimt xi ħaġa. Kont ukoll nipproduċi meta jiena u Sharon Calleja kellna kumpanija D 3 masque. Tellajna s-serje Rubini u Ħazen u Mrar. Li tipproduċi mhix faċli imma xogħol sabiħ ukoll.

Liema mill-karattri li interpretajt s’issa kien l-aktar ta’ sfida? U għaliex?

Nahseb il-karattru ta’ Martha kien ta’ sfida kbira. Għaliex dan il-karattru kien skifuż wisq. Martha kien karattru li trid tistudjah sew u la int ma tkunx dak il-karattru tkun trid taħdem aktar fuqu speċjalment dawk l-espressjonijiet li jkollok bżonn għal ċerti xeni. Però l-karattru ta’ Martha ma ninsih qatt.

Il-karattru ta’ Martha, wieħed mill-karattri prinċipali fis-sensiela li kienet tant popolari Santa Monika, kien totalment differenti mill-karattru reali tiegħek. Ġieli kellek tiffaċċja attitudni ta’ nies li jsibuha diffiċli li jiddistingwu bejn il-karattru li tinterpreta u dak reali?

Iva sibt. Hawn nies li tant jidħlu fl-istorja li jibdew jassoċjawk mall-karattru li tkun qed tinterpreta. Il-karattru ta’ Martha kien iebes ħafna u mat-telespettaturi ma tantx kien jinżel tajjeb. Sibt raġel li ried jiġi jtini xebgħa injama u kien bagħtli risposta ma’ attriċi oħra li f’Santa Monika konna rivali ta’ xulxin u kienet spegatlu li l-karattru tiegħi huwa l-oppost ta’ dak ta’ Martha. Darb’oħra kont Birżebbuġa u kien hemm raġel beda jgħajjat kif rani u jgħid “ħarbu l-ħabsin”. Meta dan resaq lejha qabadli jdejja u qalli li jkollu aptit jagħtini xebgħa. Pruvajt nispjegalu li kieku veru jien m’iniex barra u wara ħafna qisu aċċetta. Insomma ssib minn kollox.

Liema tip ta’ reċtar tħoss li int l-aktar adattata għalih?

Ma naħsibx li hemm xi tip speċifiku għax dejjem emmint li meta jagħtuni karattru hu x’inhu huwa sfida għalija.

Kif tipprepara ruħek għal kull karattru li tinterpreta? U x’inhu l-aħjar mod li ssib biex tistudja l-linji?

Meta jibgħatuli biex ninterpreta karattru l-ewwel ma nagħmel inkellem lill-awtur biex jispjegali l-karattru u d-direttur ħalli nifhem eżatt xi jrid minni. Minn hemm imbagħad nistudja l-karattru. Nistudja ħafna u mhux l-ewwel darba li mmur xi mkien għall-kwiet fejn il-baħar jew fil-kampanja. Inħobb immur on set preparata għax nemmen li jekk le, ikun nuqqas ta’ rispett lejn sħabi.

Teatru jew televiżjoni? U għaliex?

It-teatru. Dejjem emmint li t-teatru jgħallmek ħafna u tħoss is-sodisfazzjon dak il-ħin. It-televiżjoni nħobbu wkoll ta imma nemmen li l-palk jagħmlek attur.

Liema atturi lokali jispirawk l-aktar?

Kien jispirani ħafna l-mibki Lino Grech u minn hawn ngħidlu grazzi tal-wirt li ħallilna lilna l-atturi. Kif ukoll jispirani ħafna l-attur Manwel Cauchi .

Irrakkuntalna praspura li ġratlek relatata ma’ reċtar..

Paspura li ma ninsa qatt kont fuq il-palk nagħmel sketch. Kelli xena li bdejt miexja lura u tidħolli t-takkuna ġo l-injam u ma stajtx nibqa’ nimxi lura u waqajt. Atturi oħrajn kienu mexjin lura wkoll u ma ndunawx li waqajt u waqgħu fuqi tlett atturi oħra, ovvjament tista’ taħseb kif spiċċajt. Imnalla kienet ix-xena tal-aħħar u ngħalaq is-separju. Kelli sketch ieħor wara u tgħidx kemm għamluli silġ għax tellajt gundalla f’rasi. Imma komplejna wkoll.

Forsi mhumiex ħafna li jafu li minbarra li int attriċi, int ukoll kittieba, fil-fatt int ktibt is-sensiela Ħażen u Mrar, li kienet ferm segwita. Minn fejn iġġib l-ispirazzjoni biex tikteb sensiela bħal din? U kif inhu l-proċess?

Jien inħobb ħafna l-kultura u dejjem xtaqt nikteb xi ħaġa kulturali. Xtaqt wkoll li meta nikteb Ħazen u Mrar isir bid-djalett. Meta kont nikteb ġieli kont immur fil-kampanja biex nidħol iktar fl-istorja. Jien waħda li niġġieled għad-drittijiet tan-nisa u meta ktibt din l-istorja, li kienet tittratta s-sena 1930, xtaqt nuri kemm il-mara ma kellha drittijiet ta’ xejn. Mill-għalqa għall-familja u xejn iktar. Xtaqt nuri wkoll l-antenati tagħna kemm batew dak iż-żmien u kemm kien hawn faqar. Il-kultura kif kienu jgħixu. Niftakar kont nistaqsi ħafna l-kunjata fuq ċerti affarijiet, ċerti sajjieda, peress li fl-istorja konna naraw kemm kien ibati dak iż-żmien is-sajjied.. Inqanqal nostalġija meta nibda nsemmi fuq Ħazen u Mrar. Ir-raġel niftakar kien jieħu ħsieb il-props u kien jgħini ħafna għax biex ittella’ sensiela bħal dik tirrikjedi ħafna xogħol. Grazzi għall-mibki Lino Grech kien għeni ħafna wkoll għaliex kont tlabtu biex jikkoreġili l-iskript u kont nistaqsih ħafna affarijiet li jien ma lħaqthomx. Lino Grech kien ta’ għajnuna kbira. Il-proċess jibda billi taħseb fuq l-istorja u tagħmel il-punti, u minn hemm tibda tieħu idea fuq l-istorja. Jibdew ħerġin ħafna ideat ta’ kif toħloq l-istorja, tara kemm-il episodju trid. Tara li ddaħħal ftit umoriżmu biex in-nies ikollhom storja mħallta. Dejjem emmint li meta tikteb, importanti li l-ewwel episodju jkun daqstant tajjeb li l-pubbliku tħallih ħerqan x’se jiġri fil-kumplament tas-sensiela.

Tixtieq li tkompli fil-qasam tal-kitba?

Nixtieq ħafna però rrid insib il-ħin. Nemmen li għad jasal dak iż-żmien ukoll u nkomplu fejn ħallejna.

‘Il bogħod mir-rectar, min hi eżattament Tania Bartolo?

Tania Bartolo miż-Żurrieq miżżewġa lil Joe u ngħix iż-Żurrieq. Ġejja minn familja ta’ ħamsa, ommi Cathrine missieri Joseph jiena l-kbira fost l-aħwa, oħti Carmen il-fustanija u hija Angelo iż-żgħir, u ma rridx ninsa lill-pappagall Ġiġi li qisu l-baby tiegħi. Il-passatempi tiegħi huma naqra, immur il-baħar u ovvja d-drama. Inħobb ngħin u jitlagħli malajr. Iddejjaqni ħafna l-ipokrezija.

L-isbaħ u l-agħar mumenti ta’ ħajtek s’issa..

L-isbaħ mumenti ta’ ħajti kienu meta żżewwiġt, għax iżżewwiġt lir-raġel li nħobb u meta sirt zija għall-ewwel darba. Hemm iktar ta imma naħseb dawk kienu l-isbaħ. L-agħar mumenti ta’ ħajti kienu meta kont se nsir omm għal darbtejn u sfaxxa kollox. Maż-żmien aċċettajtha u llum ngħid li l-Mulej ried xi ħaġa oħra minni. Mument ieħor diffiċli kien meta kont se nitlef lil oħti.

Esperjenza li biddlitlek ħajtek..

Meta dħalt l-isptar b’attakk tal-qalb. Minn hemm bdejt naħsibha mod ieħor għax irealizzajt kemm mhu xejn il-bniedem.

X’jirrabjak u xi jferħek l-aktar?

Jirrabjawni l-iktar dawk in-nies li moħħhom f’kulħadd u l-għira għax ommi dejjem qaltli u għallmitni li l-għira hija t-taraġ tal-forka. L-iktar li jferraħni meta ngħin għax inħossni ferħana ħafna li stajt ngħin u għamilt xi ħaġa li biha ferraħt lil ħaddieħor.

Xi jfisser għalik ir-raġel tiegħek Joe?

Ir-raġel għalija jfisser kollox. Dejjem sibtu quddiemi u mhux warrajja. Raġel ta’ ħafna rispett u dejjem appoġġjani f’kollox. Meta konna għadejjin minn żminijiet diffiċli allaħares ma sibtx lilu jifhimni. Minn hawn ngħidlu grazzi tal-paċenzja li jieħu bija.

Dan hu l-messaġġ li xtaqet tgħaddi Tania lilkom il-qarrejja u s-segwaċi ta’ skoperta.net..

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks