Select Page

It-tfal kienu baqgħu mbellhin kif Stefan kien mar jara lil Aldo. Kienu jafu kemm kien kattiv miegħu u kemm kien jaqbad miegħu.
Dakinhar iddeċieda li jmur sad-dar ta’ Stefan. Kien jaf fejn kien joqgħod u kellu seba mitt sena biex jaċċerta li Stefan kien tajjeb. Meta kien l-isptar kien mar ifittxu fil-kmamar iżda qatt ma kien rah.
Ħabbat fuq il-bieb.
Silenzju.
Reġgħa ħabbat.
Fetħitlu mara ħelwa, b’xagħarha dehbi, eżatt il-kulur li kellu xagħar Stefan. Kienet tidher xi ftit irqiqa żżejjed iżda t-tbissima tagħha kienet tale kwale bħal ta’ Stefan.
“Int omm Stefan?” staqsiha.
“Iva.”
“Ġejt biex…..” tbissmilha Aldo.
Omm Stefan qabdet tgħannqu u tibki. Bdiet tagħfsu magħha u tolfoq. Aldo baqa skantant bilwieqfa, mbellaħ. Beda jħossha trossu magħha u kważi taqta’ n-nifs.
“Ġara xi ħaġa?” staqsieha Aldo jħossu ċċassat u beżgħan fl-istess ħin li setgħa ġara xi ħaġa lil Stefan.
“Naf għalxiex ġejt,” qaltlu bejn nifsijiet fgati.
“Iva,” weġibha. “Ġejt minħabba Stefan.”
“Issa Stefan qed jgħix hawn,” qaltlu l-mara ġwejda li kien hemm quddiemu.
Aldo ħass l-art iddur bih.
Omm Stefan għamlet idejha fuq qalbu.
“X’inti tgħid?” staqsieha mbellah. Kesaħ. Ma riedx jemmen. Ma setgħax jemmen.
“Stefan kien id-donatur ta’ qalbek, Aldo,” weġbitu.
Aldo ċċassa.
“Stefan dam ħafna jiġġieled għal ħajtu pero dakinhar illi inti ddaħħalt emerġenza, dakinhar……” kompliet bid-dmugħ f’għajnejha. “Dakinhar ħalliena u avżawni li kienu ser jagħtu l-organi tiegħu….”
“Mela allura l-isptar…….meta ġie jilgħab miegħi…….” Aldo ħass is-suf ta’ idejh jixxewku. “Dak kien……dak kien…..” kompla jlaqlaq waqt li baqa jħares fl-għajnejn imdemmgħin tal-mara li kien hemm quddiemu, jipprova jsib risposta iżda ma setax.

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks