Għandek bżonn (għal 8 pulpetti):
Żewġ karrotti kbar maħkukin
Pastarda (jew broccoli) żgħira maħkuka
Żewġ qarabagħliet maħkukin
100g ġobon Halloumi maħkuk jew ġobon feta mfarrak
Żewġ basliet mill-aħdar (spring onions) imqattgħin irqaq
Mgħarfa minn kull waħda minn dawn li ġejjin
Tursin frisk imqatta’
Ħabaq frisk imqatta’
Nagħniegħ frisk mqatta’
Kosbor frisk imqatta’
U melħ u bżar skont il-gosti tiegħek
Kuċċarina chilli flakes
Żewġ imgħaref frak tal-ħobż
Żewġ bajdiet imħabbta
Metodu:
- Poġġi l-qarabagħli, il-karrotti u l-pastard / brokkoli maħkukin, f’sarvetta tal-kċina u għasarhom sew sakemm joħroġ il-likwidu kollu.
- Issa poġġi l-ħaxix fi skutella kbira.
- Żid il-ġobon, melħ, bżar, nagħniegħ, tursin, kosbor, ħabaq, basal aħdar u frak tal-ħobż.
Ħallat kollox sew, u mbagħad żid il-bajd u kompli ħawwad sakemm kollox ikun jitħallat sew. - Agħtti l-iskutella bil-clingfilm u mbagħad poġġiha fil-friġġ għal mill-inqas tletin minuta.
- Meta jgħaddi ftit ħin, oħrog it-taħlita mill-friġġ u ifforma f’forma ta’ burgers/pulpetti kbar.
Imbagħad jew aqlihom fiż-żejt għal 5 minuti fuq kull naħa, jew aħmihom fuq karta tal-ħami fil-forn għal bejn 15 u 20 minuta.
Servihom ma’ dressing magħmul minn:
Tazza Greek yoghurt imħallat ma’ kuċċarina żejt taż-żebbuġa, mgħarfa tursin frisk imqatta’, u ftit melħ.
Għat-tadam sweet & sour:
Għandek bżonn: (għal 6 porzjonijiet)
Nofs kilo cherry tomatoes
Mgħarfa zokkor (jew aktar, jekk tixtieq li toħroġ aktar it-togħma ħelwa
Żewġ imgħaref sagħtar
Mgħarfa żejt taż-żebbuġa
Żewġ sinniet tewm imqatta’ rqaq ħafna
Melħ
Għat-tiżjin:
Ħjara mqatta’ roti rqaq
Basal żgħir imqatta roti rqaq
Ftit ħall balsamiku
Metodu:
- Aqsam it-tadam min-nofs mit-tul u irrangahom wiċċhom l-isfel fuq pjanċa tal-forn.
- Ferrex it-tewm, iz-zokkor, il-melħ u sagħtar fuq it-tadam. Roxx iż-żejt taż-żebbuġa fil wiċċ. U aħmi għal nofs siegħa.
- Servi mal-ħjar u l-basal, u roxx ftit ħall balsamiku fil-wiċċ.

L-ikla t-tajba!
Jekk għandek xi mistoqsijiet dwar din ir-riċetta u oħrajn, ibgħatilna fuq info@skoperta.net

Kontributriċi