Select Page

“Kuraġġ” jew “Agħmel kuraġġ” jingħadu ħafna drabi f’diversi sitwazzjonijiet differenti tal-ħajja.

Għalkemm hija xi ħaġa ovvja li wieħed jgħidha b’intenzjoni tajba, iżda kemm inkunu ċerti li din il-kelma se tagħmel differenza pożittiva u mhux titfa’ aktar pressjoni negattiva fuq l-individwu?

F’liema sitwazzjonijiet għandha tingħad? Wara kollox, għandha tintuża bħala kelma ta’ konsolazzjoni?

Fost l-aktar sitwazzjonijiet sinonimi ma’ din il-kelma huma meta persuna tkun tilfet lil xi ħadd għażiż u meta persuna tkun għaddejja minn sfidi psikoloġiċi.

Huwa veru li kull sitwazzjoni diffiċli li jkollok tiffaċja fil-ħajja teħtieġ il-kuraġġ biex tikkumbattiha, iżda dan ma jiġix għax xi ħadd jgħidlek “kuraġġ”. Ħafna drabi, meta wieħed ikun għaddej minn sitwazzjonijiet imsemmija, l-aktar li jkun qed jistenna huwa li jħoss li hemm min qed jiftakar fih, jifhmu u li mhuwiex waħdu speċjalment f’mumenti fejn ikun qed iħoss li t-toqol ta’ dak li jkun għaddej minnu ħadlu kull saħħa biex ikompli jiġġieled.

Għaldaqstant, nagħmlu aktar ġid jekk minflok ngħidu “Agħmel kuraġġ”, ngħidu “Jien qiegħda hawn għalik”, “Tinsab fi ħsibijieti”, “Nifhem x’qed tħoss” jew inkella xi drabi jkun hemm bżonn li nieqfu u nisimgħu ħafna aktar milli ngħidu xi kelma li mingħajr ma nkunu nafu taf toħloq aktar uġigħ.

Sitwazzjoni oħra komuni li din il-kelma tingħad spiss hija dik ta’ persuni b’diżabilità. Wieħed jista’ jinnota, partikolarment fuq il-midja soċjali, kull darba li jittella’ xi post jew artiklu dwar xi ħadd li għandu xi tip ta’ diżabilità jibdew telgħin il-kummenti tal-“kuraġġ”, imma din hija xi ħaġa ġusta? Għaliex għandna nenfassizzaw li persuna b’diżabilità teħtieġ jew għandha kuraġġ straordinarju aktar minn oħrajn? Bħallikieku persuna b’diżabilità hija marida jew qed tgħix ħajja li għal ħaddieħor hija impossibbli li jgħix!

Qatt nieqfu u naħsbu jekk f’xi drabi din il-kelma ittellax ħajt bejna u l-persuna l-oħra?

Ilkoll kemm aħna neħtieġu l-kuraġġ f’mumenti aktar minn oħrajn, ilkoll kemm aħna għandna dak il-kuraġġ ġo fina li kulħadd jitkellem fuqu, disponibbli meta nfittxu li nużawh, iżda huwa veru wkoll li f’ċerti mumenti huma l-empatija u l-kompassjoni li jgħinuna nsibu dak il-kuraġġ, u biex naslu għal dan, hemm modi li jmorru ferm lil hinn mill-kliem “Agħmel kuraġġ”.

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks