Eżatt malli dħalt fil-kċina, xammejt riħa tfuħ ta’ bajd u bejken moqlija. Ir-riħa kienet imliet l-arja tad-dar kbira fejn konna ngħixu.
Kienet qiegħda hemm bit-taġen f’idha, liebsa l-fardal. Issajjar. Issajjar u tkanta xi melodija minn taħt l-ilsien. Kienet tidher ferħana.
Ommi.
L-għażiża ommi.
Naf. Naf li xi kultant kont inqabbiżhielha. Mhux xi kultant, insomma, ħafna drabi. Kont nipprova nkun kwiet. Imma mhux dejjem kien jirnexxieli.
Kont ngħinha ħafna fil-faċendi. Kont immur nixtrilha. Kont naħsel il-platti. Kollox kont nagħmel. Qatt ma qaltli grazzi.
Għax jien kont inħobbha. Mhux ovvja jekk dik kienet ommi? L-imħabba ta’ bejn omm u iben, dik l-imħabba tibqa’ speċjali. Jgħaddi kemm jgħaddi żmien. U jiġri x’jiġri.
Avolja qabel kienet tħobbni. Qabel kienet tilgħab miegħi. Kienet tlibbisni ħwejjeġ nodfa. Ħwejjeġ ifuħu. Kienet tlestili l-ikel kull filgħodu. Tippettnali x-xagħar. Tara li nkun sew u tajjeb.
Iżda issa……..
Issa……..
Issa kienet inbidlet. Inbidlet ħafna.
Qabel, meta kienet għadha miżżewwġa lill-papa’, kienet tfissidni, tħobbni u kienet teħodni l-iskola hi.
Iżda issa………issa le. Donnha ma kinitx għadha tarani gustus. Donnha kienet tarani żejjed.
Donnha issa kienet tarani bħala tifel imqareb.
Iva, hekk hu.
Ġieli smajtu jgħidilha kontrija. Smajtu jgħidilha li jiena wisq imqareb.
U hu, hu qatt ma kien jgħajjatli b’ismi.
“L-imqareb, ejja ‘l hawn!”
“L-imqareb, mur ixtrili!”
“L-imqareb…..dan……..l-imqareb dak………”
Forsi f’għajnejh hekk kont.
Kont l-imqareb.
U kemm kien ilu joqgħod magħna, hu; Steve, kemm kien ilu jgħix id-dar, ma tantx kienet tagħti kasi. Donnu jiena kont il-ħtija tal-ġlied bejniethom.
Għax Steve ma kienx iħobbni. U meta kont nagħmel xi praspura minn tiegħi, Steve ma kienx bħall-papa’. Steve kien itini daqqa t’għajn kerha. U jiena kont ninduna. Kont ninduna li ma kienx iħobbni.

Ir-rakkont ikompli l-ġimgħa d-dieħla……

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks