Ras el Hanout hija taħlita ta’ ħwawar misjuba f’forom differenti fit-Tuneżija, l-Alġerija u l-Marokk.
Għandha rwol simili fil-kċina tal-Afrika ta’ fuq bħal m’għandu l-garam masala fil-kċina Indjana.
L-isem bl-Għarbi jfisser “kap tal-ħanut” u jimplika taħlita tal-aqwa ħwawar li l-bejjiegħ għandu x’joffri.
Ras el hanout jintuża f’ħafna platti, xi drabi jingħorok fuq laħam jew ħut, jew jitħawwad f’kuskus, għaġin jew ross.
M’hemm l-ebda kompożizzjoni definittiva ta’ ħwawar li tifforma r-Ras el Hanout, għax kull ħanut, kumpanija, jew familja jista’ jkollhom it-taħlita tagħhom stess. It-taħlita ġeneralment tikkonsisti f’aktar minn tużżana ħwawar, fi proporzjonijiet differenti
Però llum se naqsam magħkom il-mod kif nagħmlu jien.
Biex tagħmel vażett żgħir, għandek bżonn:
Żewġ imgħaref u nofs żerriegħa tal-kemmun
Żewġ imgħaref żerriegħa tal-kosbor
Mgħarfa kannella midħuna jew stikka waħda tal-kannella
Żewġ kuċċarini ġinġer midħun
Żewġ kuċċarini bżar iswed
Kuċċarina turmeric midħun
Madwar 10 żrieragħ tal-kardamomu
Niskata żagħfran
Ixwi l-ħwawar sħaħ ġo taġen żgħir ‘nonstick’ sakemm isiru aromatiċi u jiskuraw ftit.
Ipprova taqbiżx dan il-pass li tixwi l-ħwawar, għax verament joħorġu aktar it-togħmiet tagħhom b’dan il-metodu.
Itfa’ din it-taħlita ta’ ħwawar fi grinder tal-ħwawar (jew uża mehries u lida), u idħanhom sakemm ikollok taħlita ta’ trab fin.
Aħżen ġo vażett issiġillat sa sitt xhur biex tużahom meta jkollok bżonn.

Kontributriċi