Eżatt fil-ħin għall-Jum Internazzjonali tan-Nisa, il-jum li fih jiġu ċċelebrati l-kisbiet soċjali, ekonomiċi, kulturali u politiċi tan-nisa, waħda mill-aktar nisa influwenti tas-seklu 20 qed tiġi introdotta bħala mudell għall-ġenerazzjoni ġdida ta’ bniet.
Il-kumpanija Mattel introduċiet lill-eks First Lady u kelliema tan-Nazzjonijiet Uniti Eleanor Roosevelt bħala pupa ġdida ta’ Barbie, fil-kollezzjoni ‘Barbie’s Inspiring Women’, li tagħti ġieħ lin-nisa matul l-istorja. Hija l-unika First Lady li għandha pupa ta’ Barbie imsemmija għaliha.
“Aħna ninsabu kuntenti li nilqgħu lill-eks First Lady Eleanor Roosevelt fis-serje ‘Barbie’s Inspiring Women’ u li nitfgħu dawl fuq kif il-perseveranza tagħha bħala ċampjin tal-policies dwar id-drittijiet ċivili u ekonomiċi ħalliet impatt fuq id-dinja,” qalet Lisa McKnight, senior viċi president u kap globali ta’ Barbie u pupi f’Mattel.
Roosevelt serviet mill-1933 sal-1945 matul il-presidenza tar-raġel tagħha, il-President Franklin D. Roosevelt. Hija bniet relazzjoni mal-pubbliku permezz tal-paġna tal-aħbarijiet ta’ kuljum tagħha u marret lil hinn mir-rwol tradizzjonali tal-‘First Lady’.
Hija serviet ukoll bħala diplomatika u umanitarja tan-Nazzjonijiet Uniti wara r-rwol tagħha fil-White House.
Il-pupa Eleanor Roosevelt hija liebsa libsa bil-fjuri, ġiżirana tal-perli u kappell iswed.
Rosa Parks, attivista tal-moviment għad-drittijiet ċivili, u Sally Ride, l-ewwel astronawta mara Amerikana, ġew ukoll onorati bil-pupi ta’ Barbie tagħhom.
Is-serje ta’ ‘Barbie’s Inspiring Women’ tinkludi poeta, awtur u attivista, Dr Maya Angelou, kif ukoll disa’ oħrajn inklużi, Billie Jean King, Ella Fitzgerald, Florence Nightingale, Susan B. Anthony, Amelia Earhart, Katherine Johnson u Frida Kahlo.
Barbie avvanzat mhux ftit mid-debutt tagħha! L-ewwel pupa ta’ Barbie kellha xagħar isfar, għajnejn blu u kienet liebsa libsa tal-għawm. Minn dakinhar Barbie ġiet trasformata fi rwoli differenti, minn segretarja għal astronawta u issa wkoll First Lady!
