Select Page

Għal aktar minn 100 sena, it-8 ta’ Marzu mmarka dak li sar magħruf bħala l-Jum Internazzjonali tan-nisa f’pajjiżi madwar id-dinja. Filwaqt li l-iskop tiegħu jvarja minn post għall-ieħor, f’xi pajjiżi huwa jum ta’ protesta u f’oħrajn huwa mod kif jiġu ċċelebrati l-kisbiet tan-nisa u jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi, il-festa hija iktar minn sempliċi hashtag.

Ejjew niskopru flimkien l-oriġini u t-tradizzjonijiet ta’ dan il-jum..

Kif diġà semmejna, il-Jum Internazzjonali tan-Nisa oriġina aktar minn 100 sena ilu. Fit-28 ta’ Frar, 1909, il-Partit Soċjalista tal-Amerika li issa ġie xolt, organizza l-ewwel Jum Nazzjonali tal-Mara, li seħħ fl-aħħar Ħadd ta’ Frar. Fl-1910, Clara Zetkin, il-Kap tal-Uffiċju tan-Nisa tal-Ġermanja għall-Partit Soċjal-demokratiku , ipproponiet l-idea ta’ Jum Internazzjonali tan-nisa globali sabiex in-nies madwar id-dinja jkunu jistgħu jiċċelebraw fl-istess ħin. Fid-19 ta’ Marzu, 1911, sar l-ewwel Jum Internazzjonali tan-Nisa fejn ħadu sehem aktar minn miljun persuna fil-Ġermanja, l-Iżvizzera, l-Awstrija u d-Danimarka.

Il-Kap tal-Uffiċju tan-Nisa tal-Ġermanja għall-Partit Soċjal-demokratiku Clara Zetkin u ħabiba tagħha.

Din iċ-ċelebrazzjoni ġabet il-vot lin-nisa fir-Russja. Fl-1917, in-nisa fir-Russja onoraw il-ġurnata billi bdew strajk għal “ħobż u l-paċi” bħala mod biex jipprotestaw għall-Ewwel Gwerra Dinjija u jippromwovu l-parità bejn is-sessi. Czar Nicholas II, li dak iż-żmien kien il-mexxej tal-pajjiż, ma kienx impressjonat u ta struzzjonijiet lill-Ġeneral Khabalov tad-Distrett Militari ta’ Petrograd biex itemm il-protesti u jispara lil kull mara li rrifjutat li toqgħod. Madanakollu, in-nisa ma kinux intimidati u komplew bil-protesti tagħhom, li wasslu lil Czar biex jabdika ftit jiem wara. Il-Gvern proviżorju mbagħad ta lin-nisa fir-Russja d-dritt tal-vot.

Nisa jimmarċjaw matul ir-Rivoluzzjoni Russa fl-1917, jitolbu d-dritt tal-vot.

In-Nazzjonijiet Uniti adottat uffiċjalment il-Jum Internazzjonali tan-Nisa fl-1975. Dan seħħ meta n-Nazzjonijiet Uniti ċċelebrat għall-ewwel darba dan il-jum fit-8 ta’ Marzu tas-sena msemmija. Minn dakinhar, in-Nazzjonijiet Uniti saret l-isponsor primarju u tal-avveniment annwali u ħeġġet saħansitra aktar pajjiżi madwar id-dinja biex iħaddnu l-festa u l-għan tagħha li tiċċelebra atti ta’ kuraġġ u determinazzjoni minn nisa ordinarji li kellhom rwol straordinarju fl-istorja tal-pajjiżi u l-komunitajiet tagħhom.

ll-Jum Internazzjonali tan-Nisa huwa jum ta’ ċelebrazzjoni madwar id-dinja, u festa pubblika f’għexieren ta’ pajjiżi. L-Afganistan, Kuba, il-Vjetnam, l-Uganda, il-Mongolja, il-Ġeorġja, il-Laos, il-Kambodja, l-Armenja, il-Belarussja, il-Montenegro, ir-Russja u l-Ukrajna huma biss uħud mill-pajjiżi fejn it-8 ta’ Marzu huwa rikonoxxut bħala festa pubblika.

Dan il-Jum huwa wkoll ċelebrazzjoni kombinata ma’ Jum l-Omm f’diversi pajjiżi, inklużi s-Serbja, l-Albanija, il-Maċedonja u l-Użbekistan. F’dan il-jum, it-tfal jippreżentaw lil ommijiet u nanniethom rigali żgħar u simboli ta’ mħabba u apprezzament.

Kull sena, mill-1996 s’issa, in-Nazzjonijiet Uniti toħloq tema differenti li tirrapreżenta l-għan ewlieni ta’ dan il-jum. It-tema ta’ din is-sena hija “Nisa fit-tmexxija: Il-kisba ta’ futur ugwali f’dinja bil-pandemija Covid-19.”

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks