Fl-intervista ma’ Oprah Winfrey, Meghan żvelat dwar iż-żmien li kienu jiġuha ħsibijiet biex tweġġa’ lilha nnifisha u tikkommetti suwiċidju.

Hija qalet li sabitha diffiċli ħafna biex titkellem dwarha, anki ma’ Harry, peress li għadda minn ħafna u tilef ħafna f’ħajtu iżda stqarret li kieku ma qalet xejn, kienet tasal biex twettaq dak li xtaqet li tagħmel dak iż-żmien, fl-istess żmien li kienet tqila bit-tifel tagħhom Archie.

Meghan qalet li l-akbar dispjaċir tagħha hu li emmnet il-wegħda li kienet saret fil-bidu, dik li l-familja Rjali kienet se tipproteġiha, għaliex meta sabet il-kuraġġ biex titkellem dwar dak li kienet qed tħoss ma ngħatatx għajnuna. Qalet ukoll li membri tal-familja Rjali qalulha li ma setgħetx tfittex l-għajnuna psikjatrika għaliex ma kienx se jagħmel tajjeb għall-istituzzjoni.

L-unika sapport li sabet kien mingħand Harry, fejn hu stqarr li kien żmien ikrah u mudlam ħafna għalih ukoll u ried jagħmel minn kollox biex l-esperjenza li għaddiet minnha ommu l-Prinċipessa Diana, ma terġax tirrepeti ruħha.

Meghan stqarret li kellha tkompli tattendi f’attivitajiet pubbliċi għaliex fl-istat li kienet fih kienet tibża’ x’setgħet tagħmel jekk titħalla waħedha.

Professjonisti psikoloġiċi barranin li tkellmu dwar l-istqarrija ta’ Meghan, qalu li kull persuna, hi m’inhi, li li tkun għaddejja minn sfidi bħal dawn għandha tingħata l-għajnuna b’mod immedjat. Fil-konfront tas-sitwazzjoni ta’ Meghan qalu li mhux biss mhix ħaġa sew li ma ngħatatx l-għajnuna iżda hija wkoll krudeltà.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks