Aktar kmieni llum, il-Palazz Buckingham ħareġ stqarrija dwar dak li ntqal minn Harry u Meghan fl-intervista li saret minn Oprah Winfrey, u li xxandret nhar il-Ħadd li għadda fl-Istati Uniti.

Il-koppja żvelat diversi allegazzjonijiet fosthom dwar razziżmu u l-kwistjoni tas-saħħa mentali ta’ Meghan.

L-intervista xxandret fl-Ingilterra proprju lbieraħ. Intervista li bħalissa l-maġġoranza tad-dinja qed titkellem dwarha u li qajmet diversi reazzjonijiet, m’għandniex xi ngħidu, l-Ingliżi u dawk li għandhom għal qalbhom il-familja Rjali b’mod partikolari.

Filwaqt li ħafna qed jgħidu li l-allegazzjonijiet juru li l-ħtieġa għall-bidla ġewwa l-palazz, oħrajn ikkritikaw lil Harry u Meghan talli qajmu dan kollu waqt li n-nannu ta’ Harry, il-Prinċep Philip ta’ 99 sena, jinsab l-isptar wara intervent mediku tal-qalb.

L-istqarrija li ħarġet mill-Palazz Buckingam qalet li l-kwistjonijiet li qajmu Harry u Meghan, partikolarment dwar ir-razziżmu, huma nkwetanti. Qalet ukoll li dawn il-kwistjonijiet qed jittieħdu bis-serjetà u se jiġu indirizzati mill-familja privatament.

Ingħad ukoll li l-familja Rjali kollha esprimiet id-dwejjaq tagħha meta saret taf kemm dawn l-aħħar snin kienu ta’ sfida għal Harry u Meghan.

Fl-aħħar tal-istqarrija ntqal li Harry, Meghan u Archie dejjem se jkun membri tal-familja maħbubin ħafna.

Skont sorsi qrib tal-Palazz, ir-raġuni li l-istqarrija ħarġet aktar minn 36 siegħa wara li xxandret l-intervista għaliex minbarra li l-familja stennew sakemm l-intervista tixxandar fl-Ingilterra, kien importanti għar-Reġina li ma tgħaġġilx fid-dikjarazzjoni tagħha b’rabta ma’ dak li ntqal fl-intervista

Il-Prinċep Charles deher fil-pubbliku għall-ewwel darba llum wara li xxandret l-intervista iżda ma kkummentax meta ġie mistoqsi x’jaħseb dwar l-intervista.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks