Fl-intervista tant mistennija li Oprah Winfrey għamlet lil Harry u Meghan, li damet għaddejja madwar sagħtejn, ġew żvelati xi dettalji u kurżitajiet li wħud minnhom jagħtu stampa xejn sabiħa ta’ dak li kien għaddej bejn il-familja Rjali.
Apparentament Meghan u Harry kienu diġà żżewġu qabel it-tieġ tagħhom! Meghan żvelat kif huma xtaqu li jagħmlu ċ-ċerimonja taż-żwieġ tagħhom bejniethom it-tnejn biss u jħallu l-ispettaklu tat-tieġ tagħhom għall-kumplament tad-dinja, fil-fatt hekk għamlu, tlett ijiem qabel it-tieġ tagħhom, iżżewġu privatament.
Meghan allegat ukoll li kien hemm xi diżgwid bejnha u Kate Middleton dwar l-ilbies tal-flower girls, u meta Oprah staqsietha jekk Kate kinitx bkiet b’rabta ma’ din il-kwistjoni, hija wieġbet li l-istorja ġrat bil-kontra u li fil-fatt kienet hi li bkiet minħabba xi kliem li kienet qaltilha Kate. Madanakollu, hija qalet li Kate skużat ruħha u anki ħaditilha l-fjuri u nota b’turija ta’ apoloġija. Żiedet tgħid li ma tħossx li għandha tidħol f’aktar dettalji tal-kwistjoni ladarba Kate skużat ruħha.
Markel żvelat ukoll li xi membri mill-familja rjali, ma kienu komdi xejn dwar il-fatt li Archie seta’ jitwieled b’ġilda skura iżda jidher li r-Reġina u l-Prinċep Philip ma kinux involuti f’din il-kwistjoni. Kemm Meghan kif ukoll Harry għażlu li ma jindikawx min mill-membri tal-familja Rjali kienu parti minn dak li qed jallegaw.
Meghan spjegat l-uġigħ tagħha kemm għal dan il-fatt kif ukoll għaliex il-familja Rjali ma ridux lil Archie jkun prinċep u lanqas li jirċievi s-sigurtà li normalment jingħataw. Fil-fatt it-titlu baqa’ ma ngħatax.
Hija fetħet qalbha wkoll dwar iż-żmien fejn kienu jiġuha ħsibijiet li tikkommetti suwiċidju u li minkejja li sabet il-kuraġġ li titkellem, ma ngħatatx għajnuna.
Allegat ukoll li xi uffiċjali tal-palazz għażlu li saħansitra jigdbu biex jipproteġu xi membri oħra tal-familja Rjali, minflok għażlu li jgħidu l-verità u jipproteġu lilha u lil Harry.
Minkejja dan kollu, wara li saru jafu li l-Prinċep Philip iddaħħal l-isptar, Meghan qalet li ċemplet lir-Reġina biex tara kif qiegħdin l-affarijiet.
Min-naħa l-oħra Harry żvela kif missieru, il-Prinċep Charles, waqaf ikellmu minn meta telqu mill-palazz u marru joqgħodu Vancouver. Huwa qal li jħossu ddiżappuntat bl-imġieba ta’ missieru għax skont hu, għadda minn xi ħaġa simili u jaf xi jfisser uġigħ bħal dan, u li Archie huwa n-neputi tiegħu. Madanakollu żied jgħid li xorta waħda jibqa’ jħobbu u għalkemm weġġa’ ħafna, waħda mill-prijoritajiet tiegħu tibqa’ li jibqa’ jipprova jirranġa r-relazzjoni ta’ bejniethom.
Dwar ħuh, il-Prinċep William, Harry qal li jħobbu ħafna u li għaddew minn ħafna flimkien iżda r-relazzjoni tagħhom bħalissa mhijiex waħda tajba u jittama li ż-żmien itaffi ftit mill-weġgħat u l-affarijiet imorru għall-aħjar.
Fl-intervista żvelaw ukoll il-ġeneru tat-tarbija li qed jistennew. Archie jidher li se jkollu oħtu. Il-koppja qalu wkoll li mhumiex ippjanati li jkollhom aktar tfal.
