Għall-bidu bħal wieħed jaħseb li forsi hija insikurezza, iżda mbagħad wieħed jibda jirrealizza li hi xi ħaġa ta’ kuljum li l-persuna jkollha bżonn li tkun dejjem fiċ-ċentru tal-attenzjoni, li jkollha bżonn lil xi ħadd jċapċpilha l-ħin kollu, li dejjem għandha raġun u li hi taf kollox u li hi aqwa u l-aħjar minn kulħadd. Tibda tgħajja tikkumbatti dawn il-karatteristiċi..
Meta tiddeċiedi li tagħti feedback lill-persuna li tħobb, din probabbli teħodha kontrik u mhux talli ma tammettix, talli tgħidlek li int tħobb taqla’ l-ġlied, li inti għandek xi ħaġa ħażina, li inti ma tafdahiex u li kemm ilha miegħek għajjiet tisma’ dawn l-affarijiet u li mhux sew li kissirtilha ħajjitha.
Il-ħasla li taqla’ għax tkun esprimejt dak li qed tħoss iġġiegħlek tgħaddi minn guilt trip tajjeb li tibda tiddubita minnek innifsek.
Dawn huma ftit eżempji ta’ dak li wieħed jgħaddi minnu meta jkollu partner narċissist. Huma eżempji meħudin mill-ħajja ta’ kuljum ..
Imma allura x’tagħmel jekk tinduna b’dan kollu jekk tkun investejt ammont sostanzjali minn ħajtek għal din il-persuna?
Mhix faċli xejn din is-sitwazzjoni..
Jekk hemm problema fejn is-sigurtà tiegħek jew dawk vulnerabbli hija mhedda… trid tara kif se ddabbar rasek bil-mod… iżda importanti li bil-mod… trid taħdem pjan..
Jekk m’hemmx problema ta’ sigurtà tista’ xorta tiddeċiedi li ddabbar rasek… anzi jekk m’hemmx irbit ikun aktar għaqli li ddabbar rasek..
Inkella trid tadatta ruħek biex kemm jista’ jkun ma’ tbatix wisq minn dan l-abbuż..
Imma kif?
- Importanti li tirrealizza x’inhu jiġri biex b’hekk ikollok viżjoni aktar ċara ta’ minn fejn hi ġejja din il-problema
- Importanti li tirrealizza li inti ma taħti xejn… li m’intix sensittiva żżejjed u lanqas li inti għandek xi ħaġa ħażina… dan il-kliem li qaltlek il-persuna narċissista ġejjin minn xi ħadd li ma jafx aħjar u mhux kapaċi jara l-perspettiva tiegħek
- Probabbli nies li jafu sew lil persuna jgħidulek biex titlaq, ftakar li inti taf x’inhu l-aħjar għalik u jekk se titlaq taf inti meta hu l-aħjar li taġixxi
- Aqra u informa ruħek dwar Narcissistic Personality Disorder. Aktar ma tkun taf aktar tista’ tħossok kunfidenti meta qed taħdem fuqek innifsek biex tiffaċċja karattru bħal dan.
- Sib is-sapport li hemm bżonn. Probabbli n-nies ta’ madwarkom mhux dejjem se jifhmu minn xiex tkun għaddej għax ġeneralment in-narċissist jilbes maskra fil-pubbliku, ikollu kariżma, iżda jneħħiha hekk kif jidħol mill-bieb ‘il ġewwa. Sib għajnuna professjonali jekk hemm bżonn. It-terapisti huma newtrali u jkollhom esperjenza jaħdmu f’dan il-qasam u jkunu jistgħu jagħtuk is-sapport li jista’ jgħinek tiffaċċja l-imġieba diffiċli ta’ dan il-karattru
- Żomm notebook u ikteb xi jkun ġara. Ħafna drabi dawn imeruk biex iġiegħluk temmen li inti qed tesaġera u li inti għandek problema. Ikteb xi jkun ġara u tista’ turi lil min tafda x’gara, li jkollok validation hija importanti għax tgħinek biex ma titlifx il-kunfidenza fik innifsek.
- Ipprepara lilek innifsek jekk se tikkonfronta lin-narċissist. Ikteb xi tkun se tgħid minn qabel u imxi ma’ dak li ktibt. Ħafna drabi dan idawwar id-diskors kif jaqbillu u malajr jgħid li inti abbużajt minnu għax dawn il-karattri jħobbu jilagħbuha tal-vittma.
- Qis li jkollok “boundaries” ċari. Wara li tinduna fiex tkun dħalt jekk tiddeċiedi li tibqa’ ma’ partner narċissist, kun sod/soda sa fejn tista’ tħalli li jiddeċiedi għalik, kemm lest/lesta li tħallih/ha j/ttik mill-agħar… pereżempju jekk tiġi umiljat quddiem in-nies minn narċissist insisti li darb’oħra ma tattendix l-attività li stednuk għaliha u ara kif tagħmel biex darb’oħra tevitaha.
- Ftakar li huwa ok li xi kultant ikollok toqgħod ftit ‘il bogħod, bħal batteriji li jkollhom bżonn jieħdu charge l-istess inti. Mhix faċli li tgħix ma’ xi ħadd narċissist allura l-bżonn li tieħu n-nifs hija kruċjali biex iżżomm il-bilanċ.
- Persuni narċissisti jistgħu jkunu negattivi ħafna u allura jista’ jkun li taqa’ f’letarġija. Importanti allura li ssib sors fejn tieħu pjaċir, jew li tħossok tajjeb. Li jkollok pet jista’ jgħinek tħoss li għandek kumpanija u li għandek sors fejn jgħinek tħossok importanti
- Li finanzjarjament tkun indipendenti jagħtik iċ-ċans li tagħmel affarijiet li tixtieq għax ħafna drabi persuni narċissisti se jagħmlu minn kollox biex jikkontrollawk.
- Ħafna jħossuhom ħażin għax ma jkunux indunaw bil-karattru tal-partner tagħhom qabel ma jkunu kkomettew ruħhom, ngħiduha kif inhi mhix faċli li tinduna għax dan il-karattru jirnexxilu jilbes maskra li diffiċli ħafna biex tinduna fiex tkun dieħel. M’intiex waħdek li tħoss li l-partner ikun daħak bik, il-kariżma li jużaw biex jaqbduk fin-nassa tagħhom hija fina ħafna u mhix faċli tinduna biha.
Kif qed naraw mhix sitwazzjoni faċli biex tgħix ma’ persuna narċissista…jekk tħoss li l-affarijiet huma tqal u tistax iġġorrhom waħdek importanti li titkellem ma’ professjonist biex tara liema triq se tieħu.
Ftakar li għalkemm diffiċli mhix impossibbli…
Biss, iżżommx kollox għalik għax ma jistħoqqlokx li ġġorr kollox waħdek…
Awguri u tislijiet
Jekk għandek xi suġġett partikolari li tixtieq li nitkellmu dwaru, ibgħatilna fuq info@skoperta.net

Counsellor
99115406