Fost il-ħafna programmi u inizjattivi li jitwasslu miċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum għal Persuni b’Diżabilità mmexxijja minn Aġenzija Sapport, wieħed isib programmi ta’ artiġjanat. Dawn il-programmi huma parti integrali minn struttura ta’ inizjattivi li jitfasslu skont il-bżonnijiet u abbiltajiet differenti tal-persuni b’diżabilità li jattendu ċ-Ċentri. Fiċ-Ċentri kollha tal-Aġenzija f’Malta u Għawdex, wieħed isib prodotti diversi minn xogħol bl-injam, xogħol ta’ mużajk u fuħħar, ċeramika, kartolini, souvenirs, oħrajn tnaqqix fil-ġebla….ix-xogħol artiġjanali jvarja minn Ċentru għal ieħor, kollha magħmula b’għan terapewtiku.

Kull Ċentru għandu l-ispeċjalizazzjoni tiegħu u dan dejjem taħt id-direzzjoni ta’ Support Workers dedikati, li r-rwol tagħhom hu li joħorġu l-potenzjal tal-persuni li jattendu s-servizz.

L-aċċenn hu fuq inklużjoni u abbiltajiet. Għalhekk, kull inizjattiva hi intiża sabiex mhux biss tippermetti li l-persuni b’diżabilità jipprattikaw il-ħiliet tagħhom, iżda wkoll jiżviluppaw oħrajn ġodda.

Għażla żgħira ħafna tinsab fuq katalgu fis-sit tal-Aġenzija www.sapport.gov.mt fejn wieħed jista’ jara s-selezzjoni ta’ prodotti u jista’ wkoll permezz ta’ email jew billi jimla l-formola apposta li hemm fis-sit, jordna minn dawn il-prodotti. Il-valur ta’ dawn il-prodotti artiġjanali hu fl-oriġinalità tagħhom, fejn il-prodotti mhumiex magħmula għall-massa iżda f’numri żgħar u wħud minhom huma saħansitra, uniċi. Hu importanti li wieħed jifhem li dawn il-prodotti huma xogħol magħmul kollu bl-idejn. Għalhekk huma prodotti ġenwini li fuq kollox huma parti minn programmi edukattivi għal dawn il-persuni b’diżabilità.

L-għan mhux dak li jinħoloq kummerċ iżda li nirrikonoxxu l-abbiltajiet varji ta’ dawn il-klijenti. Biex jinħolqu dan it-tip ta’ prodotti, persuni b’diżabilità jkomplu jiżviluppaw tekniki ġodda, u jesprimu ruħhom permezz tal-arti u għalhekk ikunu qed jingħataw spazju sabiex joħorġu l-kreattività tagħhom.

Fil-passat inħolqu diversi prodotti li ingħataw bħala rigali lil Prim Ministri, Ministri u persuni distinti oħra, kif ukoll tifkiriet mgħotija lil delegati waqt konferenzi internazzjonali u wkoll delegati li kienu f’Malta għall-avvenimenti marbuta maċ-CHOGM ftit tas-snin ilu. Diversi ordnijiet għal dawn il-prodotti jaslu wkoll minn persuni li jkunu jixtiequ jagħtu tifkira żgħira f’ċelebrazzjonijiet bħal tiġijiet, kif ukoll għal okkażżjonijiet bħal Jum l-Omm, Jum il-Missier, l-Għid il-Kbir, Jum San Valentinu kif ukoll il-Milied.

Għal oġġetti li wieħed jista’ jagħti bħala rigal, wieħed jista’ jżur is-sit www.sapport.gov.mt jew isegwi l-midja soċjali tal-Aġenzija għal aġġornamenti b’mod regolari.

Informazzjoni mogħtija lilna minn Aġenzija Sapport.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks