Select Page

L-għaqda Alcoholics Anonymous tuża l-mantra Għal-Lum Biss.

Il-Flylady, il-maskott ta’ sistema ta’ ħajja ordnata, tgħidlek li “tista’ tagħmel dak li hemm bżonn, tul kwarta”.

L-idea hi li jekk aħna nagħmlu lista twila ta’ riżoluzzjonijiet iżjed faċli li niksruhom, milli kieku meta tasal l-okkażjoni, inkunu nafu ngħidu le.

Ir-Randan itul 40 jum. Aħna mdorrijin li għar-Randan, inċedu xi ħaġa li tkun għal qalbna – insumu minn dak li nħobbu, minn dak li rridu, minn dak li jkollna aptit, biex niċċaħdu. Jekk ma npejpux, ma niklux laħam, jew ma nduqux ħelu, inkunu qed nagħmlu l-ġid lilna nnifisna, mhux ‘sagrifiċċju’.

Din id-darba, ejjew inħarsu lil hinn mis-soltu listi…Nissellfu ir-raġunament tal-A.A. u tal-Flylady u ngħaġnuh għall-finijiet tar-Randan. Forsi wara l-Għid, nindunaw li ta’ min jaddotta xi wħud mill-affarijiet li nkunu ppruvajna. L-idea hi li nippruvaw speċifikament ħaġa waħda “tajba” kuljum, bla ma nħallu kollox għaddej, mill-bqija.

Kif jgħidu tal-A.A., għal-lum biss… mhux se nħares lejn il-problemi ta’ ħajti kollha, iżda, se nagħżel waħda minn dawn:

…naċċetta li jien għażeb / miżżeweġ / armel / membru tal-kleru. Ma nimmaġinax kif kienet tkun il-ħajja li kieku jew li kien ma kontx hekk.

..mhux se nqatta’ iżjed minn sagħtejn imwaħħal quddiem skrin, tkun xi tkun – televixin, kompjuter, telefon, iPad…minflok, se nirranġa xi karti li ilhom tielgħin mis-sena l-oħra.

…naqra xi ħaġa li tedifikani,imqar paragrafu mill-ktieb tad-duttrina tat-tfal, jew mill-Bibbja.

…niekol frotta jew tnejn flok xi ħaġa mimlija xaħam u zokkor.

…nitbissem lil xi ħadd li narah antipatku, u forsi nasal biex ngħidlu bonġu, ukoll.

…mhux se nzekzek – lanqas jekk nara lil xi ħadd li żgur jaf xi ħaġa li ili biex nitkixxef dwarha.

…nilbes pulit, u nomxot sew, allavolja mhux bi ħsiebni nixref ‘il barra mill-bieb, bħala sinjal ta rispett lejja nnifsi.

…nagħmel lista ta’ 10 ħaga li għandi għalfejn inkun grat għalihom.

…nagħmel munzell ta’ affarijiet li nħobb, imma li se nagħtihom lil xi ħadd li naf li japprezzahom.

…naqbad it-telefon u nċempel lil xi ħadd li ilni ma narah qatiegħ.

…immur npparteċipa f’Quddiesa oħra, barra minn dik li s-soltu nisma’, fost ix-xogħol.

…noffri li nagħmel qadja, jew nagħti servizz ieħor, imqar insajjar platt żejjed, fejn naf li hemm il-bżonn.

…mhux se nikkriktika, immaqdar jew ingerger – anki jekk is-soltu nagħmel hekk “biex ħaddieħor ikun aħjar”.

…m’jien se nixtri xejn – ngħaddi b’li għandi, b’solidarjetà ma’ min għalih, din hija ħaġa ta’ kuljum.

…inħares madwari u napprezza affarijiet li s-soltu lanqas nagħti kashom – it-temp, ir-riħa tal-ikel, l-ilwien tal-fjuri, il-ħsejjes tal-madwar.

…naħfer lil xi ħadd li naqasni, snin ilu, u għadni nimmormra f’qalbi dwarha. Jekk ifettilli, se nitlob maħfra lil min għamiltlu xi kattiverja, snin ilu.

..inkun umli, u nfaħħar lil xi ħadd biex nagħmillu l-qalb.

…naċċetta li jien għandi n-nuqqasijiet tiegħi; ma ngħirx għal min hu iżjed sinjur, isbaħ, iżjed maħbub, jew iżjed imlaħħaq.

Hemm aħna – tużżana u nofs għażliet li għandhom iservuna mill-inqas sa’ Ħadd il-Għid.

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks