Sorsi qrib il-Palazz Buckingham qalu li l-Prinċep Charles qed jippjana biex fil-ġimgħat li ġejjin jagħmel kuntatt ma’ Harry u jipprova jirranġa r-relazzjoni ta’ bejniethom li kompliet tikkumplika ruħha wara l-intervista ta’ Oprah Winfrey.
F’midja internazzjonali ġie rrapurtat li l-Prinċep Charles weġġa’ ħafna b’dak li ntqal fl-intervista, imma minkejja dan huwa jħoss li wasal iż-żmien li jipprova jirranġa r-relazzjoni ma’ ibnu. Sorsi qalu li huwa se jkun qed jindirizza l-kwistjoni bħala missier aktar milli persuna pubblika.
Intqal li l-Prinċep Charles verament jixtieq li jerġa’ lura għar-relazzjoni mill-qrib li gawda ma’ Harry għal żmien twil.
Ir-rapport jgħid ukoll li huwa ppjanat li jsir kuntatt ma’ Harry bil-miktub jew permezz ta’ video call, fejn se jkun involut ukoll il-Prinċep William.
