Select Page

“Dak imqareb! Dak imqareb! It-tifel li għandek!” kien jgħidilha.
U hi, hi kienet saret kważi temmnu. Ifhem, mhux għax jiena kont xi anġlu…….imma min ma kienx jagħmel xi praspura żgħira fi tfulitu? Minn tifel ta’ disa’ snin x’tippretendi? Li nkun xi beqqu?
Insomma, dakinhar filgħodu, eżatt malli xammejt ir-riħa tal-ikel, ħassejtni xi ftit bl-aptit. Kienet ilha ma tagħmilli ftit kolazzjon! Waħedhom kienu jieklu! Xħin kont nitlaq jien lejn l-iskola.
Issss……..mhux sew!
“Ejja….toħlomx!” qaltli ommi, tħares lejja biċ-ċiera. “Itlaq lejn l-iskola!”
“Kemm ifuħ!” għidtilha.
“M’hemmx paroli! Itlaq!” qaltli.
Dak il-ħin daħal hu fil-kċina. Steve. Ma nagħtihiex tort lill-ommi li kienet saret tħobbu. Kien raġel mibni u sabiħ, mohni b’natural ħelu. Meta kienu joħorġu, tgħidx kemm kienu jieħdu gost. U lili, lili kienu jħalluni ma’ Madalen, il-ġara. Għax Steve kien jgħid li ma kienx jieħu gost bija magħhom.
Kienu jgħiduli biex lill-papa’ ma ngħidlux. Ma ngħidlux li ma kienu jeħduni mkien magħhom. Ġieli anke ħallewni d-dar waħdi.
Ersaqt ħdejn ommi biex nagħtiha bewsa, iżda kienet mitlufa titbissem lil Steve u lili ma’ kinitx ratni sejjer ħdejha.
Bla ma għamilt ħoss ieħor, tlaqt ‘il barra. Ma ridtx intellifhom.
Xħin kont nofs triq ftakart. Kont erġajt insejt inġib xi ħaġa tal-ikel miegħi lejn l-iskola! Issa x’kont se naqbad nagħmel? Kien se jtini l-ġuħ………

Ir-rakkont ikompli l-ġimgħa d-dieħla……

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks