L-aħjar għażla li wieħed jista’ jagħmel fiċ-ċirkostanzi li qed ngħixu hija li jibqa’ sikur ġewwa daru, iżda dan ifisser li ma’ nistgħux niċċelebraw waħda mill-festi tant mistennija minna l-Maltin? Assolutament le….
Il-festa ta’ San Patrizju daħlet sew fil-kalendarju ta’ ċelebrazzjonijiet tagħna l-Maltin. Minkejja li hija festa Irlandiża, il-Maltin adottawha biex isibu okkażjoni oħra fejn bħala poplu Mediterranju jsib skuża biex jiċċelebra. Peress li ninsabu f’nofs pandemija li għadha qed tikxef snienha u xejn ma qed tkun ħanina magħna, l-appell jibqa’ li nimxu mal-gwida tal-awtoritajiet tas-saħħa, għaldaqstant huwa importanti li nżommu d-distanza soċjali, nevitaw milli niltaqgħu ma’ nies li ma jgħixux magħna u ma noħorġux jekk mhux għal bżonn. Importanti li nagħtu s-sehem tagħna biex in-numri jibdew juru ftit tama pożittiva. Madanakollu, ma jfissirx li wieħed ma jistax jiċċelebra fil-kumdità u s-sigurtà ta’ daru mal-persuni li jgħix magħhom.
Kif?
Żgur li biex niċċelebraw ikollna bżonn l-ikel. X’hemm aħjar milli f’din il-ġurnata nippreparaw l-ikel bit-tema tal-Irlandiżi. La qed insemmu l-ikel fuq il-menu żgur li ma nistgħux inħallu barra xi torta taċ-ċanga u l-birra Guinness. Torta li żgur se tinżel għasel ma’ kulħadd, b’dik it-togħma fl-isfond tal-birra tant famuża mal-Irlandiżi. Għall-adulti, biex takkumpanja dan id-dixx żgur ma jistax jonqos xi pinta Guinness kiesħa.

Mużika fl-isfond…
Xi naqra mużika biex inżommu l-atmosfera xejn ma jżommna li ndoqqu u għaliex le?? Iva niżfnu xi żifna flimkien. Wieħed faċli jsib din il-mużika, flimkien mal-istruzzjonijiet ukoll tal-passi biex nidħlu fl-atmosfera lkoll flimkien. Xi ngħidu għas-silta tant popolari Riverdance? Min se jirnexxielu jqarreb il-passi ma’ tal-Irlandiżi?
Għall-konservattivi? X’jistgħu jagħmlu?
Dejjem jidħlu dawk li forsi huma aktar konservattivi u ż-żfin ma jkunx il-forte tagħhom. Dawn x’jistgħu jagħmlu biex ukoll jidħlu fl-atmosfera? Lil dawn aħna nissuġġerulhom li jsegwu xi film Irlandiż, jew xi parata ta’ San Patrizju tal-passat. Films li huma adattati għall-familja kollha nsibu fost l-oħrajn The Secret Roan Inish, The Magic Legend of the Leprechauns, The Legend of Longwood. Għal udjenza aktar matura mbagħad hemm The Wind that Shakes the Barley, Angela’s Ashes, Tristan and Isolde jew The Young Offenders.
Nagħlqu b’togħma ħelwa…
Aħna l-Maltin żgur li nħobbu nagħlqu s-serata bid-deżerta… dik id-daqsxejn togħma ħelwa li tikkumplimenta ikla tajba. Fis-suq insibu għadd ta’ deżerti li jgħinuna nidħlu fit-tema ta’ San Patrizju. Ovvjament jiddomina l-kulur ħadrani. Ma’ dawn id-deżerti wieħed jista’ jikkumplimenta b’xi cafè Irandiż (Irish Coffee).

B’hekk inkunu qed niċċelebraw b’responsabbiltà t-tieni San Patrizju konsekuttiv fid-dawl ta’ pandemija.
Nittamaw li San Patrizju tal-2022 ikun aktar ħanin u forsi nkunu wasalna għan-normalità.
