Għandek bżonn (għal bejn 4 u 8 figolli, skont id-daqs):
Għall-għaġina:
800g dqiq self raising
225g icing sugar
340g butir (unsalted), imqatta’ cubes
Erba’ isfra tal-bajd
Qoxra ta’ żewġ lumijiet maħkuka
Kuċċarina trab tal-vanilla
115ml ilma
Għall-mili:
640g intrita (pura jew substitute)
420g icing sugar
Qoxra ta’ żewġ lumijiet maħkuka
Kuċċarina trab tal-vanilla
Erba’ abjad tal-bajd
Għat-tiżjin:
Ċikkulata tat-tisjir imdewba banju maria.
Jew
Ġelu magħmul minn żewġ abjad tal-bajd, 400g icing sugar, u meraq ta’ nofs lumija.
Imbagħad żid tiżjin ieħor skont il-gosti tiegħek.

Metodu:
Għall-għaġina:
- Agħrbel id-dqiq, it-trab tal-vanilla, u l-icing sugar ġo skutella kbira. Żid il-butir u l-qoxra tal-lumi.
- Agħġen b’idejk sakemm il-butir jithallat sew mal-ingredjenti l-oħra u jkollok taħlita qisha frak tal-ħobż oħxon.
- Issa żid l-isfra tal-bajd u l-ilma, u ħawwad sew sakemm ikollok taħlita lixxa.
- Jekk tara li l-għaġina għadha iebsa wisq biex tinħadem, żid ftit ilma ftit ftit sakemm tara li ġiet tajba.
- Agħtti l-iskutella tal-għaġina bi clingfilm u poġġiha fil-friġġ għal mill-inqas nofs siegħa.
Metodu tal-mili:
Ħallat l-intrita, it-trab tal vanilla, l-abjad tal-bajd, l-icing sugar, u l-qoxra tal-lumi kollha flimkien sakemm ikollok pejst lixx.
Metodu tal-figolla:
- Ferrex ftit dqiq u iftaħ l-għaġina b’lembuba. Ara li jkollok ħxuna ta’ madwar nofs ċentimetru. Żomm f’moħħok li din ħa togħla xi ftit fil-forn peress li qed nużaw dqiq self raising.
- Aqta’ żewġ forom l-istess mill-għaġina.
- Poġġi forma minnhom fuq karta tal-forn u b’pinzell idlikha ħafif bi ftit ilma, biex jaqbadlek aħjar il-mili mal-għaġina.
- Iksi din il-forma bil-mili tal-intrita. Tista’ tiftaħha wkoll b’lembuba, jew inkella tidlikha dirett fuq l-għaġina. Idlek il-wiċċ tal-mili bi ftit ilma.
- Tiksix bil-mili sat-tarf nett tal-għaġina biex ma jaqalekx mili żejjed meta tpoġġi l-għaġina ta’ fuq.
- Issa agħtti l-mili bil-forma tal-għaġina l-oħra, u erġa’ idlikha b’pinzell bi ftit ilma.
- Saħħan il-forn għal gas mark 180.
- Aħmi l-figolli fuq dixx tal-ħami miksi bil-karta tal-forn għal bejn 30 u 40 minuta. Il-ħin jiddependi mid daqs tal-figolli li tkun għamilt.
- Meta jkunu lesti, ħallihom jiksħu sew qabel iżżejjinhom, anzi jekk ikun possibbli li żżejjinhom l-għada jkun aħjar.
- Meta jkun għaqad it-tiżjin, iksi l-figolli bi clingfilm u jibqgħu tajbin sa tlett ġimgħat.

L-ikla t-tajba!
Jekk għandek xi mistoqsijiet dwar din ir-riċetta u oħrajn, ibgħatilna fuq info@skoperta.net

Kontributriċi