Ftit tal-jiem ilu, Mandy Vella, iż-żagħżugħa ta’ 26 sena li tbati mill-kundizzjoni tas-Cystic Fibrosis iddaħlet l-isptar minħabba chest infection, kumplikazzjoni li, f’kuntatt li għamlet ma’ skoperta.net, qaltilna li setgħet ġiet evitata kieku qed tieħu l-mediċina li għandha bżonn u li kull darba li jiġri episodju bħal dan, tkompli żżid il-ħsara lill-pulmun.

Mandy ilha tiġġieled għall-din il-mediċina bl-isem ta’ Trikafta, mill-2018. L-għan tagħha kien biex hekk kif din il-mediċina tiġi approvata mill-UE, tibda tingħata f’Malta wkoll. Hija kompliet issaħħaħ il-ġlieda tagħha f’Awwissu tas-sena 2020, proprju meta l-mediċina ġiet approvata mill-UE.

Madanakollu, sal-lum il-mediċina Trikafta għadha ma waslitx. Mandy tisħaq li din hija l-unika mediċina li tista’ ssalvalha ħajjitha u ħajjet persuni oħrajn li jbatu minn din il-kundizzjoni.

F’kuntatt li għamel mat-Times of Malta, missier Mandy esprima l-inkwiet tiegħu dwar l-istat ta’ bintu. Huwa qal li filwaqt li jifhem li din il-mediċina tiswa ħafna, speċjalment waqt pandemija, madanakollu hija l-unika tama għal bintu, li saħħitha qiegħda dejjem tmur lura.

“Binti ħaqqha tgħix” qal Missier Mandy. “Ma rridx li jkolli nidfen lil binti.”

L-appell ta’ Mandy u l-familja tagħha, flimkien ma’ oħrajn li jbatu minn din il-kundizzjoni jibqa’ dejjem wieħed; li tingħata din il-mediċina kemm jista’ jkun malajr, qabel ikun tard wisq.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks