Ilbieraħ, bl-approvazzjoni tal-Papa Franġisku, il-Vatikan ħareġ stqarrija li tgħid li l-Knisja Kattolika ma tistax tbierek iż-żwieġ bejn l-istess sessi.
L-istqarrija rreferiet għall-unjonijiet bejn l-istess sess bħala “għażla”, iddeskriviethom bħala midinbin u qalet li ma jistgħux jiġu rikonoxxuti bħala parti mill-pjan t’Alla.
“Il-barka ta’ żwieġ bejn l-istess sessi ma tistax titqies leċita,” kiteb fl-istqarrija l-ogħla uffiċċju duttrinali tal-Vatikan, il-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi.
“Alla ma jistax ibierek id-dnub,” żiedet tgħid l-istqarrija.
Parti mill-istqarrija tgħid ukoll li l-omosesswali u l-lesbjani, bħala individwi, jistgħu jirċievu barka jekk jgħixu skont it-tagħlim tal-Knisja. Iżda t-tberik taż-żewġ bejn l-istess sessi, qal il-Vatikan, jibgħat sinjal li l-Knisja Kattolika tapprova u tinkoraġġixxi għażla u mod ta’ ħajja li ma jistgħux jiġu rikonoxxuti bħala parti mill-pjanijiet ta’ Alla.
Il-Papa Franġisku ta’ spiss ġie mfaħħar għall-mod ta’ kif jitkellem dwar persuni LGBTIQ, kemm ġewwa kif ukoll barra l-knisja. Fil-fatt is-sena l-oħra deher li l-Papa Franġisku kien favur il-liġijiet tal-Unjoni Ċivili għal koppji tal-istess sess meta ta intervista għal dokumentarju.
“In-nies omosesswali għandhom id-dritt li jkunu f’familja. Huma wlied Alla u għandhom dritt għal familja. Ħadd m’għandu jitkeċċa jew iħossu ħażin dwarha,” qal il-Papa, u żied: “Dak li rridu noħolqu hija liġi ta’ unjoni ċivili. B’dan il-mod huma koperti legalment.”
Madanakollu, ftit wara l-Vatikan reġa’ lura minn dawk ir-rimarki, u qal li dawn ittieħdu barra mill-kuntest, u ma kien hemm l-ebda indikazzjoni li se ssir bidla fid-duttrina.
Bla ebda dubju, din id-deċiżjoni hija daqqa ta’ ħarta għal dawk il-Kattoliċi li kienu qed jittamaw għal tmexxija Kattolika aktar miftuħa u progressiva.
Għexieren ta’ pajjiżi, jinkludu wkoll bosta fl-Ewropa tal-Punent, legalizzaw żwiġijiet tal-istess sess. Il-pożizzjoni tal-knisja dwar din il-kwistjoni tbiegħed uħud li jħaddnu r-reliġjon iżda li ma jħossuhomx milqugħin u liberi li jipprattikawha kif jixtiequ.
Int x’taħseb dwar din l-istqarrija?
