Select Page

Ftit tal-jiem ilu wassalnilkom l-istorja ta’ Mandy Vella, iż-żagħżugħa li tbati mis-Cystic Fibrosis u t-talba tagħha għall-unika mediċina li tista’ ssalvalha ħajjitha, Trikafta.

B’rabta ma’ din l-istorja, skoperta.net għamel kuntatt mal-Ministru tas-saħħa l-On. Chris Fearne u staqsejnih dawn id-domandi:

  • Għaliex din il-mediċina għadha mhijiex tingħata b’xejn mill-Gvern għall-pazjenti li għandhom bżonnha f’Malta?
  • Hemm pjan li din il-mediċina tibda tingħata b’xejn fil-futur qarib?
  • X’qiegħed iżomm lura milli din il-mediċina tingħata b’xejn?

Fit-tweġiba sintetika tiegħu l-Ministru qal li ma jistgħux jiddaħħlu l-mediċini b’xejn kollha f’daqqa u li bil-mod dejjem iżidu.

Wara li ngħatajna din it-tweġiba saqsejnih ukoll jekk hemmx xi żmien partikolari li jaħseb li din il-mediċina tibda tingħata b’xejn.

L-On. Fearne irrisponda li ma jistax ikun jaf għalissa.

Il-mediċina Trikafta hija l-ewwel mediċina li tikkura pazjenti bl-aktar mutazzjoni komuni tas-Cystic Fibrosis. Din il-mediċina hija approvata għal pazjenti minn 12-il sena ‘l fuq li jbatu mill-kundizzjoni tas-Cystic Fibrosis.

Cystic Fibrosis hija marda rari, progressiva, li tista’ twassal għall-mewt, tirriżulta fil-formazzjoni ta’ fluwidu oħxon li jinbena fil-pulmuni, is-sistema diġestiva, u partijiet oħra tal-ġisem. Dan iwassal għal problemi respiratorji u diġestivi severi kif ukoll kumplikazzjonijiet oħra bħal infezzjonijiet u dijabete. Din il-marda hija kkawżata minn proteina difettuża li tirriżulta minn mutazzjonijiet fil-ġene CFTR.

Hawn taħt qed nippubblikaw Il-korrispondenza mal-Ministru b’mod sħiħ.

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks