San Patrizju, il-qaddis patrun tal-Irlanda, jiġi ċċelebrat fis-17 ta’ Marzu ta’ kull sena.
Il-poplu Irlandiż huwa kburi ħafna b’San Patrizju u t-tradizzjonijiet li jimxu id f’id mal-jum taċ-ċelebrazzjoni tiegħu.
Minkejja li l-festa ta’ San Patrizju hija popolari wkoll fost il-Maltin, ċertament li huma ftit li jafu dawn il-kurżitajiet u fatti interessanti li skoprejna…
San Patrizju ma kienx Irlandiż!
San Patrizju huwa l-patrun tal-Irlanda u huwa magħruf l-aktar għall-konverżjoni tal-poplu Irlandiż pagan tal-ħames seklu A.D. għall-Kristjaneżmu, iżda għalkemm huwa appostlu tal-Irlanda, Patrizju fil-fatt kien Ingliż!
Imwieled u trabba fir-raħal ta’ Banna Vemta Burniae, Patrizju jirrikonoxxi lil Britannia bħala pajjiżu fil-kitbiet tiegħu, iżda fejn verament kien il-post tat-twelid tiegħu għadu mhux magħruf b’ċertezza. Xi wħud jgħidu l-Iskozja filwaqt li oħrajn jgħidu Wales. Xi ħaġa li żgur nistgħu nkunu ċerti minnha, hi li kien madwar il-baħar Irlandiż fejn dan il-patrun oriġina.
Għadda l-ewwel snin tiegħu fl-Irlanda bħala skjav.
Negozjanti tal-iskjavi kienu qabdu lil Patrizju meta kien teenager, flimkien ma’ ħafna oħrajn u kienu ttieħdu l-Irlanda u nbiegħu.
Aktar tard huwa kien kiteb li dak iż-żmien kien jistħoqqlu li jinqabad għaliex kien jemmen li ġara hekk minħabba n-nuqqas ta’ fidi li kellu f’Alla.
Dam skjav fl-Irlanda għal sitt snin sħaħ li matulhom kien jitlob ħafna kuljum. Fil-fatt l-impenn tiegħu wassal għal fidi qawwija.
Jingħad li Patrizju kien jisma’ l-vuċijiet u kellu wkoll viżjonijiet.
Jingħad li hekk kif il-fidi tiegħu kompliet tissaħħaħ, huwa beda jisma’ l-vuċijiet u darba fost l-oħrajn kien sema’ vuċi li qaltlu “Il-vapur tiegħek lest!” Minn dakinhar huwa ħass li wasal iż-żmien li jipprova jaħrab.
Qatt ma kien hemm sriep fl-Irlanda!
Il-leġġenda tgħid li waqt li l-qaddis patrun kien għaddej minn sawm ta’ 40 jum fuq il-quċċata tal-għoljiet ta’ Tara, tfaċċaw ħafna sriep u bdew jattakkawh. Jingħad ukoll li huwa rnexxielu jiġġildilhom u jitfagħhom fil-baħar.
Madanakollu, l-evidenza turi li l-Irlanda kienet kiesħa wisq biex ikun hemm kwalunkwe tip ta’ serp f’dak il-post u żmien.
Qatt ma uża shamrock!
Ħafna jgħidu li San Patrizju uża x-shamrock biex jispjega t-trinità qaddisa lill-Irlandiżi pagani. Jingħad li t-tliet weraq tagħha jirrapreżentaw lill-Missier, lill-Iben u lill-Ispirtu s-Santu.
Minkejja dan, l-istorja tgħid modieħor. M’hemm l-ebda referenza għall-pjanta f’xi waħda mill-istejjer ta’ dak iż-żmien, u m’hemm xejn li jindika kien jużaha biex jispjega t-twemmin nisrani tiegħu. Saret referenza għaliha biss aktar tard minn kitbiet Ingliżi dwar il-leġġenda.
Ma kienx jilbes l-aħdar!
Kull sena, in-nies jilbsu l-aħdar bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet ta’ dan il-jum, iżda l-evidenza turi li San Patrizju kien jilbes il-blu u mhux l-aħdar! Aktarx, l-aħdar ġie mill-fatt li dan il-kulur huwa sinonimu mal-bandiera Irlandiża, u anke minħabba l-għelieqi sbieħ iħaddru li wieħed isib fl-Irlanda u l-famuża pjanta shamrock!
Patrizju kellu madwar 40 sena meta ġab il-Kristjaneżmu fl-Irlanda.
La darba reġa’ lura fuq l-art Brittanika, Patrizju iddeċieda li jħaddan il-fidi tiegħu u jitħarreġ bħala saċerdot. Huwa studja għal bosta snin qabel ma ħasuu lest li jirritorna l-Irlanda bħala missjunarju.
Huwa rritorna bħala t-tieni Isqof tal-pajjiż u għallem il-Kristjaneżmu lil eluf ta’ nies. Ħafna drabi kien jiġi kkastigat minn kapijiet pagani, iżda tant kien ħadem fuq il-fidi tiegħu li kien lest li jsofri kull ħaġa. Kien jemmen ukoll li kull sfida kienet kastig għad-dnubiet preċedenti tiegħu.
L-ewwel parata ta’ Jum San Patrizju saret fl-Amerika.
Filwaqt li n-nies fl-Irlanda ilhom jiċċelebraw lil San Patrizju mis-1600, it-tradizzjoni tal-parata ta’ San Patrizju bdiet fl-Amerika.
Ir-rekords juru li saret parata ta’ Jum San Patrizju fis-17 ta’ Marzu, 1601 f’kolonja Spanjola f’dik li issa hija Santu Wistin, Florida. Il-parata, u ċ-ċelebrazzjoni ta’ Jum San Patrizju sena qabel ġew organizzati mill-vigarju Irlandiż tal-Kolonja Spanjola Ricardo Artur.
Aktar minn seklu wara, suldati Irlandiżi li kienu jservu fil-militar Ingliż marru f’Boston fl-1737. L-entużjażmu għall-parati ta’ San Patrizju beda minn hemm, kien proprju fis-17 ta’ Marzu tal-1762 li saret l-ewwel parata f’New York City u għadha sal-lum il-ġurnata waħda mill-akbar tradizzjonijiet li għandhom f’dan il-pajjiż.
Fl-2020, parati madwar il-pajjiż ġew ikkanċellati jew posposti għall-ewwel darba f’għexieren ta’ snin minħabba l-pandemija tal-Covid-19.
L-isem Patrizju jfisser ‘nobbli’.
M’għandniex xi ngħidu, dan l-isem huwa popolari ħafna fl-Irlanda. Ġej mill-isem Latin Patricius li jfisser ‘nobbli’.
Fatt interessanti huwa li l-isem propja li dan il-qaddis ingħata mat-twelid kien Sucat, kien aktar tard li ngħata l-isem ta’ Patrizju.
Kien biss wara s-seklu 17 li n-nies bdew isemmu lil uliedhom wara dan il-famuż qaddis għaliex qabel dan, kien maħsub li kien isem wisq sagru biex jintuża għal nies komuni.
