F’laqgħa virtwali li kellu l-Prim Ministru Robert Abela ma’ Mandy Vella, iż-żagħżugħa li tbati mill-kundizzjoni tas-Cystic Fibrosis u li ilha tisħaq dwar it-talba tagħha biex hi u persuni li jbatu minn din il-kundizzjoni jingħataw il-mediċina li tista’ ssalvalhom ħajjithom, ħabbar li l-Gvern se jibda jagħti din il-mediċina.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li wara diskussjonijiet mal-ministri responsabbli għas-saħħa u l-finanzi, il-Gvern iddeċieda li jipprovdi din il-mediċina, għaldaqstant huwa qal li se jibdew il-proċess meħtieġ biex tinxtara.

Huwa kkonkluda d-diskursata billi ħeġġeġ lil Mandy biex tibqa’ b’saħħitha u kuraġġuża. Filwaqt li rringrazzjat lill-awtoritajiet għal din id-deċiżjoni Mandy qalet li aktar ma l-proċess ikun mgħaġġel aktar aħjar.

Wara li t-tim ta’ skoperta.net segwa din l-istorja, anki b’kuntatt riċenti mal-Ministru tas-saħħa l-On. Chris Fearne, nilqgħu din l-aħbar bħala waħda tajba u ta’ sodisfazzjon, u li fuq kollox tagħti tama għal ħajja aħjar lil Mandy u ħafna oħrajn li għandhom bżonn din il-mediċina.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks