Introduzzjoni qasira dwari: Jien naħdem bħala Health Psychology Practitioner ma’ Willingness Team, fejn naħdem ħafna ma’ individwi li għaddejjin mill-fibromyalgia fost kundizzjonijiet kroniċi oħrajn, għaldaqstant illum ħa nitkellem ftit dwar din il-kundizzjoni, kif wieħed jista’ jadatta aħjar biex jgħix biha kif ukoll dawk ta’ madwar l-individwu.

Ġismi kollu juġagħni! Għaliex ġismi juġagħni l-ħin kollu? Forsi smajt lil xi ħadd jgħid li għandu ġismu dejjem juġgħu jew li dejjem għajjien. U dan iwasslek biex taħseb jew tiddubita li din il-persuna dejjem tgerger jew tużaha bħala skuża biex tevita x-xogħol u ċertu responsabiltajiet. Però dan jaf mhux il-każ. Teżisti kundizzjoni tas-saħħa li jisima fibromyalgia.

X’inhi l-fibromyalgia?

Fibromyalgia hija kundizzjoni kronika li tippreżenta ruħha f’uġigħ mal-ġisem kollu speċjalment fir-ras, muskoli u ġogi, għejja, problemi fl-irqad u konfużjoni fil-moħħ. Kundizzjoni kronika jiġifieri mhux bħal riħ, tagħmel il-kors tagħha u jgħaddilek, imma tibqa biha tul ħajtek. Sfortunatament, għadna ma nafux biżżejjed dwarha din il-kundizzjoni allavolja hawn madwar 4% ta’ persuni li jbatu minnha fid-dinja.

Ġeneralment din il-kundizzjoni tippreżenta ruħha aktar fin-nisa milli fl-irġiel u hemm diversi raġunijiet għaliex. Tista’ tkun minħabba l-istress jew trawmi li l-persuna tkun ġarbet. Fost it-trawmi jinkludu abbuż fiżiku jew sesswali, wild, xi operazzjoni kbira, jew telf ta’ persuna. Riċerka qed turi li l-ġenetika jaf taffetwa wkoll. Ħaġa interessanti dwar il-fibromyalgia hi li dan l-uġigħ li tħoss il-persuna huwa reali u jaf jillimita l-persuna. Però, meta jsiru testijiet tad-demm u scans fost l-oħrajn jirriżulta li ma hemm xejn ħażin fil-ġisem tal-persuna u din hija waħda mir-raġunijiet għaliex din il-kundizzjoni hija misteru u m’hawnx biżżejjed tagħrif fuqha.

Minkejja dan kollu, ma jfissirx li persuni li jbatu mill-fibromyalgia jkunu qed jesaġeraw jew jitgħażnu. Anzi, sfortunatament persuna li tbati mill-fibromyalgia f’ħajjitha taf tesperjenza ħafna diffikultajiet li ġġib magħha l-kundizzjoni u anke minħabba kif inħarsu lejha fis-soċjetà. Il-fibromyalgia fiha ħafna inċertezza għax jeżistu “flare ups” fejn il-persuna jaf tqum ġurnata u jkollha uġigħ estrem aktar mis-soltu. Il-fibromyalgia taffetwa l-kwalità tal-ħajja tal-bniedem.

Jekk qed tħoss uġigħ konsistenti ma’ ġismek kollu nissuġġerilek titkellem mat-tabib tiegħek. Ma jfissirx li għandek il-fibromyalgia għax ħafna kundizzjonijiet jqanqlu uġigħ imma tajjeb tiċċekja għax id-dijanjosi tal-fibromyalgia ma ssirx mil-lum għal għada imma hija proċess. Jekk tbati mill-fibromyalgia, teżisti ħafna għajnuna. Għajnuna ta’ fiżjoterapisti li jistgħu jgħinuk tagħraf x’eżerċizzji tista’ tagħmel biex inti itaffi l-uġigħ kemm jista’ jkun. Teżisti għajnuna psikoloġika li tgħinek tagħraf xi trawma qed taffetwa u tħalli dan l-impatt fuq ġismek.

Il-fibromyalgia jaf twassal għal ċerti emozzjonijiet bħal ansjetà, dwejjaq u biża’ u fit-terapija ma’ professjonisti psikologi li jispeċjalizzaw f’dan il-qasam tkun tista’ taħdem fuq l-emozzjonijiet u l-ħsibijiet kif qed jaffettwaw lil xulxin. Ma’ dawn il-professjonisti tista’ wkoll titgħallem aktar dwar il-kundizzjoni biex tagħraf x’l-aħjar tagħmel biex tnaqqas l-uġigħ kemm jista’ jkun. Nissuġġerilek iżżomm djarju ta’ xi tkun qed tħoss, pereżempju; Illum kelli rasi tuġagħni filgħodu, ħadt il-mediċina u matul il-ġurnata għaddietli. Ħassejtni għajjiena malli wasalt ix-xogħol u xtaqt li kont aktar produttiva, però ma kontx imdejqa. Dan it-tip ta’ djarju jista’ jgħinek tagħraf hemmx xi differenzi jew xebħ bejn il-ġranet ħalli tibda tagħraf x’tista’ tagħmel ħalli tikkontrolla l-uġigħ kemm jista’ jkun.

Parir li nixtieq inħallik bih hu li jekk inti tbati mill-fibromyalgia nistiednek tibni rutina fuq il-ġurnata tiegħek u tipprova żżomm magħha kemm jista’ jkun. Ir-rutina trid tkun realistika jiġifieri tagħti kas kemm għandek bżonn irqad, fi x’ħin l-aħjar tiekol, x’tista’ tagħmel biex tmantni x-xogħol u ma tħallix il-fibromyalgia iżżommok lura milli tikseb dak li tixtieq. Jekk inti taf lil xi ħadd li jbati mill-fibromyalgia nistiednek tissaportjahom billi tara għandhomx bżonn xi għajnuna prattika jew anke biex jitkellmu ma xi ħadd li jista jismagħhom u jifimhom.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks