Select Page

Margaret semgħet il-bieb ta’ barra jingħalaq.
Ajma, għall-erwieħ kien mar l-iskola! Kemm kien imqareb! Ma kellux minuta kwiet f’ġismu……
“Telaq…….” bdiet tgħid lil Steve f’widnejh, waqt li bdiet itteftiflu f’xagħru. Kultant il-komportament ta’ Andrea kien sar idejjaqha. Idejjaqha wisq. Kemm kien ilha li kienet keċċiet lil missieru ‘l barra, kien donnu rribella kontriha!
“Qed nimmissjah lill-pa……” kien ta’ sikwit jgħidilha.
“Il-papà dejjem kien iħallini norqod ħdejkom……”
Margaret u Steve reġgħu marru fil-kamra tas-sodda. Ma tantx kien jimporta li l-ikel kienu se jiekluh kiesaħ!
Wara xi tlett kwarti, Margaret reġgħet marret fil-kċina, pronta ħalli tieħu l-ikel fil-kamra tas-sodda u joqgħodu jiekluh hemm.
Inħasdet.
X’affarijiet dawn! Kif jista’ jkun? Kemm kien ilu hawn?
“Int x’int tagħmel hawn?” staqsietu tirrabja. Riedet kważi tagħtih daqqa ġo wiċċu. Bdiet tieħu nifsijiet twal u ħasset fawra tiela’ għal rasha. “Jien bgħattek l-iskola!”
“Iva ma….” qalilha b’ton baxx, iħares lejha b’ċertu mod li kien inkwetat. Indunat li kellu xi demm u grif ma’ moħħu.
“Ivvintajt xi waħda?” staqsietu b’leħen għoli. “Iġġilidt! Żgur iġġilidt!” Jekk jarah Steve……… Żgur kienet tinqala’ xi waħda!
“Mamà………le. Iva. Jien inħobbok mamà!” qalilha. Għajnejh kienu jidhru qiegħdin ileqqu hekk kif kienu qiegħdin jirriflettu fid-dawl tax-xemx li kien dieħel mill-persjana tat-tieqa, eżatt fejn kien hemm hu.
“Andrea………” bdiet tgħidlu kważi taqta’ nifisha. “Dan l-aħħar sirt ma nifilħekx! Sirt wisq…….wisq imqareb!”
“Le mamà……..” weġibha bilkemm jinstema’. “Jien inħobbok lilek!”
Kif seta’ jfehma? Li hu lilha biss kellu? Li għalih kienet kollox? Li lilha kien jaraha bħala kollox għalih? Li magħha biss seta’ jitkellem?
“Mur f’kamartek! Mur f’kamartek!” bdiet tgħajjat kważi tintilef minn sensiha bin-nervi.
Andrea ħares lejha tal-aħħar, baxxa rasu lejn l-art u telaq lejn kamartu.

Il-ġimgħa d-dieħla…..ir-raba’ u l-aħħar parti ta’ dan ir-rakkont…

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks