Nitkellmu ma’ Glen Vella

Glen, għaddew biss ftit sigħat mindu ġie mħabbar li l-kanzunetta Ħarsa Biss hija l-kanzunetta rebbieħa tal-ewwel edizzjoni ta’ Mużika Mużika. Kif qed tħossok?

Inħossni eċitat, ferħan, u emozzjonat. Ma stennejtx, għalkemm kont nemmen li għandi kanzunetta tajba bil-Malti imma ma stennejtx li nista’ nkun ir-rebbieħ għaliex nemmen li kien hemm livell għoli ta’ kanzunetti Maltin. Ovvjament inħossni onorat, ħdimt għaliha b’mod professjonali. Il-fatt li ġiet apprezzata mill-pubbliku wkoll tfisser ħafna għalija. Emozzjonat ħafna.

X’għadda minn moħħok dak il-mument li ġejt iddikjarat rebbieħ?

Kif forsi rajtu wkoll fil-mument li tħabbar ir-riżultat, jien ma ndunajtx mill-ewwel! L-ewwelnett f’dak il-mument bl-eċitament ma kellix moħħ noqgħod ngħodd il-punti u nara, qisek tkun, kif jgħidu bl-Ingliż, ‘in extacy’ allura ma ntbaħtx mill-ewwel x’kien qed jiġri. Ovvjament imbagħad x’ħin rajt il-kamera waqfet fuqi tlajt is-sema imma dak il-ħin lanqas naf x’għadda minn moħħi. Tant kont emozzjonat li ma bdejtx naħseb, biss imbagħad jien u tiela’ lejn il-palk mill-ewwel ġew f’moħħi dawk in-nies kollha, li kif għidt jien fuq il-midja soċjali tiegħi qabel ma kantajt, li jħobbu l-mużika Maltija.

Xi tfisser din ir-rebħa għalik?

Għaliha din ir-rebħa tfisser kisba oħra fil-karriera tiegħi, madanakollu minkejja li kont jien li għollejt it-trofew, mhijiex ir-rebħa tiegħi biss. Hija rebħa tat-tim tiegħi li għenuni ħafna, tal-ħbieb tal-qalb tiegħi, il-familja u r-raġel tiegħi Sandro, li mingħajru żgur ma kontx nasal s’hawnhekk u hija wkoll ir-rebħa ta’ dawk in-nies li jħobbu l-kanzunetta Maltija.

Lil min għażilt li tiddedika din ir-rebħa u għaliex?

Din ir-rebħa kif għamilt x’ħin tlajt fuq il-palk, iddedikajtha lil dawk in-nies kollha li jħobbu l-mużika Maltija u lill-mużiċisti sħabi li bħali huma full timers, bħalissa huwa żmien diffiċli għalihom għaliex m’aħniex nesebixxu x-xogħol tagħna. Iddedikajt it-trofew għalihom.

Ritratt: Darrin Zammit Lupi

Ħarsa Biss, xi tfisser għalik? U kif ġiet l-idea għal din il-kanzunetta?

Ħarsa Biss hija kanzunetta li ġiet miktuba minn Joe Julian Farrugia u mbagħad ikkompona l-mużika għaliha Philip Vella, li nemmen li żewwaq il-mużika mal-lirika b’mod tajjeb ħafna.

Jien meta ġejt avviċinat, għidtilhom irrid naqra l-lirika u nisma’ l-mużika waqt li qed naqra l-lirika biex inħoss il-‘feel’ tal-mużika u fl-istess ħin nara jekk jirnexxilix nirrelata mal-kliem. X’ħin qrajtha lili ħaditni fil-bidu tar-relazzjoni tiegħi mar-raġel tiegħi Sandro. Fir-relazzjoni sigrieta tal-bidu u l-imħabba tagħna, lili hemmhekk ħaditni imma nemmen li kull individwu jista’ jirrelata mall-kanzunetta, għax ngħiduha kif inhi, kull relazzjoni tibda b’mod sigriet. Ħadd ma jibda relazzjoni u jmur ixejjer il-bnadar, taf kif, allura dak li jkun jista’ jagħmilha vera tiegħu u jiftakar f’dawk il-mumenti tal-bidu tar-relazzjoni tiegħu.

Kif tiddeskrivi l-esperjenza tiegħek fil-Festival Mużika Mużika? U xi jfisser li tkun parti minn festival bħal dan?

Kull esperjenza mużikali jien nagħmilha b’passjoni u allura kollha jfissru ħafna għalija, ovvjament mhux b’inqas Mużika Mużika. Ħadt pjaċir ħafna naħdem għal dan il-festival, kont imxennaq li nitla’ nkanta mal-orkestra, inkanta live u li nitla b’kamra fuq palk b’organizzazzjoni perfetta. Il-kelma hija perfetta, perfett huwa l-Mulej imma għalija dan il-festival kien qrib il-perfezzjoni. Kien organizzat tajjeb ħafna, kull min kien involut fil-festival kollha kienu avviċinabbli u allura jien bħala artist grat ħafna għax-xogħol kollu li sar f’dan il-festival.

Ovvjament li tieħu sehem f’festival bħal dan hija xi ħaġa sabiħa ħafna. L-ewwelnett għax jien inħobb il-kanzunetta Maltija, u għalhekk użajt din il-pjattaforma biex inwassal kanzunetta oħra mir-ripertorju tiegħi lill-pubbliku, u li tkanta mal-Orkestra Nazzjonali dejjem hi xi ħaġa emozzjonanti. Min verament iħobb ikanta, li tkanta mal-Orkestra hija l-aktar ħaġa sabiħa li tista’ tesperjenza.

X’sibt l-aktar ta’ sfida matul dan il-vjaġġ?

Essaġġ, jien tant kelli sapport enormi min-nies vera qrib tiegħi li ma sibtx sfida partikolari. Jien vera ħdimt għaliha b’mod professjonali, kelli l-ħin naħdem għaliha wkoll, jiġifieri ma kienx hemm xi sfidi partikolari. Li jkolli forsi nsemmi, jien ma tantx jien marketing pro, allura dik kienet forsi sfida speċjalment fl-aħħar ġimgħa tal-festival ridt inkun dejjem alert biex inżomm il-midja soċjali attiva, għaliex għalkemm jien inżomm kuntatt man-nies permezz tal-midja soċjali imma ma nkunx attiv il-ħin kollu allura dik il-ġimgħa ridt li n-nies jgħixu kull mument miegħi u ħadt pjaċir nagħmilha. Li qattajt ħafna ħin fuq il-midja soċjali, inwassal il-messaġġi lill-pubbliku dwar x’qed jiġri biex dak li jkun jgħixha miegħi. Essaġġ ma kinitx sfida per se, qed insejħilha forsi sfida għax mhux is-soltu nagħmel hekk.

Kellek xi mumenti partikolari matul dan il-vjaġġ?

Mumenti ħelwin ħafna li kelli… jien matul dan il-vjaġġ kelli l-opportunità li ktibt kanzunetta b’kompożizzjoni tiegħi u kantawha l-grupp bravissimi Avenue Sky, li apparti li jien il-kompożitur tagħhom, jien ukoll il-vocal coach tagħhom u Jade ukoll avviċinatni. Jien xogħli huwa dak ta’ vocal coach u ġejt avviċinat minn żewġ kantanti, id-duo Ian u u t-tifla tiegħu Jade u l-kantant Claudio mill-grupp Kantera, li ħdimt magħhom fil-qrib biex, fil-każ ta’ Janvil u Jade pereżempju, ħdimt magħhom fuq l-arranġamenti vokali, kif inqassmu l-kanzunetta, l-armoniji. Jiġifieri ħdimt magħhom mill-qrib u apparti li huma ħbieb tiegħi, jiġifieri l-livell ma kienx ta’ vocal coach imma ta’ ħbiberija, kienet xi ħaġa vera sabiħa li ħdimniha flimkien u għexna ħafna mill-ħinijiet ta’ dan il-vjaġġ flimkien.

Claudio wkoll, ġie staqsa għas-servizz tiegħi u kien ta’ unur kbir għalija. Rajtu jagħmel progress minn ġimgħa għal oħra, ħadem bis-sħiħ u finalment spiċċa fit-tielet post ukoll jiġifieri kont kuntent immens b’dawn il-mumenti. Kellna mumenti u esperjenzi vera sbieħ flimkien ma’ dawn il-kantanti li semmejt, mumenti ħelwin ta’ rehearsals, dħakna flimkien, qabżitilna demgħa flimkien ukoll. Kienu mumenti vera sbieħ fejn il-ħbiberija, ix-xogħol professjonali u l-mużika rebħu fuq il-kompetizzjoni, għalija dak sodisfazzjon kbir.

Tħoss li l-lingwa Maltija hija apprezzata biżżejjed?

Nemmen li iva, għaliex, issa jien qiegħed imdawwar b’nies li jħobbu l-mużika Maltija jiġifieri jien infittex li anki ma’ min ħa naħdem, li jekk ħa naħdem ma’ xi ħadd inkun ċert li jħobb il-kanzunetta Maltija. F’ħajti mdawwar b’dawn in-nies, li niġi nfluwenzat minnhom ukoll, jiġifieri nemmen li iva, hija apprezzata. Ovvjament dejjem hemm, kif ngħidu bl-Ingliż, a room for improvement, dejjem ikun hemm dak il-lok fejn nistgħu mmexxu aktar ovvjament imma ma naħsibx li mhix apprezzata.

Taħseb li hemm bżonn li jsiru aktar inizjattivi li jagħtu pjattaforma għall-mużika bil-lingwa Maltija?

Jien nemmen li hawn Malta hawn pjattaformi fejn nesibixxu l-mużika bil-lingwa Maltija. Hawn festivals li qed isiru fosthom L-Għanja tal-Poplu, li jsir kull sena. Issa jekk Alla jrid, u j’Alla l-Mużika Mużika jibqa’ jsir kull sena. Nemmen li jista’ jkun hemm attivitajiet oħrajn, forsi mhux dejjem f’forma ta’ kompetizzjoni u festival imma jkunu aktar f’forma ta’ kunċert. Iva nemmen li jista’ jsir aktar, qatt mhu biżżejjed. Jien fejn tidħol mużika, nibqa’ ninsisti dejjem. Jista’ jkun hemm kunċert kuljum għax xorta nibqa’ ninsisti biex ikollna tnejn. Dejjem irrid aktar fejn tidħol mużika jien imma xorta nemmen li m’aħniex neqsin, hemm pjattaforma, li nħoss u li nibqa’ nħeġġeġ huwa forsi li jista’ jkun hemm aktar individwi bħal kantanti, awturi u kompożituri Maltin li jipparteċipaw. Forsi jista’ jkun hemm aktar sforzi minn individwi biex jieħdu sehem f’dawn l-inizjattivi.

Wara dan il-vjaġġ, x’inhu l-pass li jmiss għalik fil-karriera mużikali tiegħek?

Jien ma tantx Inħobb naħseb wisq fil-futur. L-esperjenzi tal-ħajja għallmuni ngawdi ħafna l-mument. Bħalissa qiegħed ingawdi dan il-mument tar-rebħa li ksibt fil-festival Mużika Mużika. Bla dubju, inħares ‘il quddiem biex inkompli naħdem fuq mużika ġdida min-naħa tiegħi u fil-pipeline issa, kienet diġà qiegħda f’moħħi, imma nixtieq ħafna li naħdem fuq vidjo mużikali għal din il-kanzunetta li eventwalment joħroġ aktar tard matul din is-sena.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks