Għandek bżonn: (għal 6 porzjonijiet)
4 brunġiliet kbar
Żejt taż-żebbuġa
Għall-mili:
1kg irkotta
Vażett pesto genovese (tal-ħabaq)
Bajda mħabbta
Erba’ mgħaref tursin frisk imqatta’ rqiq
Mgħarfa Tarragon
Żewġ imgħaref frak tal-ħobż
Ftit bżar u melħ
Għaz-zalza:
Kuċċarina żejt taż-żebbuġa
Kwart faqqiegħ imqatta’ slices
Żewġ basliet ħodor imqatta’ slices irqaq
Żewġ kuċċarini tewm imqatta’ rqiq
Żewġ bottijiet tadam imqatta’
Kwart ta’ kuċċarina zokkor
Kuċċarina curry
Kuċċarina mixed spice
250ml ilma
Mozzarella maħkuka (skont il-gosti tiegħek)
Metodu:
Neħħi z-zokk mill-brunġiel u qattagħhom slices mit-tul kemm jista’ jkun irqaq. Aktar ma jkunu rqaq, aktar isiru malajr.
Irranġa s-slices ħdejn xulxin fuq karta tal-forn u tihom raxxa ħafifa żejt taż-żebbuġa.
Sajjarhom fil-forn għal 15 sa 20 minuta jew sakemm tara li rtabu.
Meta jkunu saru, oħroġhom mill-forn u ħallihom jiksħu.
Sadattant, ipprepara l-mili u z-zalza.
Għall-mili:
Sempliċement ħallat l-ingredjenti kollha tal-mili fi skutella kbira.
Żomm fil-friġġ sakemm tkun lesta biex tużah.
Għaz-zalza:
Saħħan iż-żejt f’taġen fond u aqli l-basal u t-tewm sakemm ikunu rotob.
Imbagħad żid il-faqqiegħ, il-curry u l-mixed spice, u ħawwad sakemm il-faqqiegħ jirtab u tara li l-basal, it-tewm, u l-faqqiegħ qed jibdew jieħdu kulur kanella.
Issa żid it-tadam bil-meraq tagħhom, iz-zokkor, u l-ilma.
Ħawwad kollox sew flimkien u ħalliha ttektek sakemm ikollok zalza magħquda.
Kif ikollok kollox lest, tista’ tibda tagħmel l-involtini u tirranġahom f’dixx tal-forn. L-aħjar li tuża dixx kbir biex ikollok saff wieħed.
L-ewwel, poġġi daqs mgħarfa imburġata mili tal-irkotta f’nofs kull slice tal-brunġiel, u kebbeb kull slice biex jiġu bħal cannelloni.
Meta tkun lestejthom kollha mimlijin, ifrex ftit miz-zalza l-ħamra fid-dixx kemm tgħatti l-qiegħ.
Imbagħad ibda irranga l-involtini kollha ħdejn xulxin fid-dixx. Kemm jista’ jkun isikkahom u tħallix spazju bejniethom.
Iksi l-wiċċ biz-zalza l-ħamra u roxx ftit mozzarella jekk tiggosta.
Aħmihom fil-forn għal nofs siegħa.

L-ikla t-tajba!
Jekk għandek xi mistoqsijiet dwar din ir-riċetta u oħrajn, ibgħatilna fuq info@skoperta.net

Kontributriċi