Wara 14-il sena ta’ rapreżentazzjonijiet ta’ “il-Mixja” f’siti differenti, din is-sena l-produtturi se jkunu qed iwasslulna l-ġrajja tal-passjoni ta’ Kristu permezz t’esperjenza virtwali unika.


L-avveniment annwali bi skop ta’ karità li maż-żmien kiseb popolarità kbira u sar sinonimu mal-Ġimgħa Mqaddsa f’pajjiżna, din is-sena se jitwaslilna permezz tal-iskrins taċ-ċinema kif ukoll dawk diġitali. Is-sena l-oħra il-Mixja kellha tiġi mħassra minħabba l-pandemija tal-COVID-19. Din is-sena, Vermiglio Theatre Productions issieħbu ma’ Blend Media u Three Wise Men Media sabiex itellgħu produzzjoni virtwali ta’ din il-produzzjoni unika. Il-produzzjoni se tintwera on demand mis-sit uffiċjali www.ilmixja.com mill-24 ta’ Marzu ‘l quddiem.


Bħal ma’ ġara f’dawn l-aħħar snin id-dħul kollu se jmur b’risq il-Malta Community Chest Fund Foundation u l-klijenti tal-Isptar Monte Karmeli. Dan l-avveniment qiegħed isir taħt il-patroċinju distint tal-President ta’ Malta Dr. George Vella. Fil-jiem li għaddew tnehdiet ukoll crowdfunding campaign sabiex jinġabru iktar fondi.


“Wieħed irid jifhem li minkejja li x-xogħol li sar huwa wieħed ta’ livell għoli ħafna u ra uħud mill-aqwa atturi u crew Maltin li ħadmu flimkien ma’ tnejn mill-aqwa diretturi tal-fotografija f’pajjiżna cioe’ Marley Lagana u Rodney Gauci, ma kellniex intenzjoni li nagħmlu film iżda esperjenza virtwali ta’ dik li sas-sena l-oħra kienet produzzjoni dwar il-passjoni ta’ Kristu mibnija skont il-post fejn kient se ssir” stqarrew Alan Fenech u Michelle Zerafa. “Il-ġbid sar fi tlett ijiem biss u skont il-miżuri kollha tal-Gvern minħabba l-pandemija. Din kienet verament maratona għall-karità bl-ostaklu miżjud tal-COVID-19” żied Fenech.


L-udjenza se timxi pass pass mal-passjoni ta’ Kristu mill-aħħar ċena sal-Golgota filwaqt li nħawi differenti fil-ġonna se jservu bħala l-isfond għad-diversi xeni li jwasslu din il-ġrajja lill-udjenza bl-iktar mod realistiku u personali. L-udjenza se tħossha daqs li kieku kienet parti mill-folla li kienet preżenti fl-aħħar jumejn tal-ħajja ta’ Ġesú qabel il-qawmien tiegħu mill-mewt f’dak li se jkun tour virtwali ta’ din il-ġrajja.


Il-kast jinkludi wħud mill-aqwa atturi ta’ Malta li huma magħrufa sew ma’ dawk kollha li għandhom għall-qalbhom id-drama fit-teatri u l-istazzjonijiet tat-televiżjoni Maltin. Fil-partijiet ewlenin insibu lil Alan Fenech, Anthony Ellul, Michelle Zerafa, Moira Muscat, Andy Catania, Carlos Farrugia, Renato Dimech, Matthew Balzan, Ivan De Battista, Aaron Fenech, Joseph Galea, Dominic Said, Marco Grech, Maryann Muscat, Karl Schembri, Simone DeBattista, Chris Degiorgio, Shelby Aquilina, Dolan Debattista, Lisa Farrugia, Miguel Formosa, Chris Camilleri, Kim Woods, Tony Fenech, Rebecca Briffa, Yurgen Sciberras, Maria Laura Fenech, James Sultana, Alfred Mizzi, Derine labada Muscat u Katrina Zahra fost l-oħrajn.

Il-Kitba hija ta’ Alan Fenech li flimkien ma’ Tony Parnis idderieġa dan ix-xogħol filwaqt li l-produzzjoni kienet f’idejn Michelle Zerafa u l-istess Alan Fenech. Il-Mixja 2021: Esperjenza Virtwali hija produzzjoni ta’ Vermiglio Theatre Productions flimkien ma’ Blend Media u Three Wise Men Media b’kolalborazzjoni ma’ Eden Cinemas u Legio X Fretensis.


Għal iktar informazzjoni u sabiex jikseb il-biljetti għall-wirjiet on demand jew biex tagħti donazzjoni b’risq iż-żewġ entitajiet imsemmija, wieħed għandu jżur is-sit eletroniku www.ilmixja.com jew il-paġna uffiċjali ta’ Facebook Il-Mixja 2021.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks