Il-familja tgħaddi minn fażijiet differenti u flimkien maċ-ċirkostanzi tinbidel id-dinamika ukoll. Ġieli jitwieled membru ġdid jew ikun hemm għerusija jew żwieġ ta’ xi wieħed mill-membri, filwaqt li l-mewt ukoll tista’ tifred lil membri u tibdel ukoll id dinamika tal-familja. Id-divorzju jew separazzjoni jpoġġi lill-membri f’pożizzjoni diffiċli. Mhux kulħadd jiffaċċja din il-firda bl-istess mod u m’hemm l-ebda formola ideali għax dejjem tinkludi xi forma ta’ tbatija u diffikultà. Però l-mod kif jaġixxu l-membri nvoluti se jagħmel differenza kbira fuq il-kumplament tal-familja kollha.
Id-divorzju jolqot lil kull membru tal-familja, imma speċjalment lill-ulied. It-telfa hija kemm waħda fiżika jiġifieri li l-ġenituri ma jibqgħux jgħixu flimkien u allura anke t-tfal jista’ jkun li jinfirdu minn ġenitur jew ieħor. Jista’ jkun ukoll ikollhom ibiddlu d-dar fejn joqgħodu jew ma’ min joqgħodu. Il-firda hija wkoll waħda emozzjonali għaliex l-ulied jgħaddu minn ammont ta’ konfużjoni, speċjalment jekk ma jkunux jafu x’ġara jew x’inhu jiġri, għaliex is-seperazzjoni tkun ġiet fuq il-familja f’daqqa. Għalhekk ħafna drabi l-ulied jgħaddu minn bidliet fl-imġiba u jkollhom reazzjonijiet differenti hekk kif dawn isiru jafu li l-ġenituri se jisseperaw.
Huwa normali li dawn jgħaddu minn ħafna konfużjoni, biża’ u “denial” u jistaqsu ħafna mistoqsijiet għax il-pedament tal-ħajja tagħhom – il-ġenituri – iħossu li jkun qed jiġi imċaqlaq allura jkunu anzjużi ħafna dwar dak li jista’ jkun li jiġri. Huwa allura normali li dawn it-tfal jista’ jkun li jesperjenzaw rabja, dipressjoni u panic attacks. Dan kollu jiddependi ħafna dwar kif il-ġenituri jippreparaw lil uliedhom għal din il-bidla, kif ukoll kemm ikun hemm kooperazzjoni bejn il-membri involuti (speċjalment bejn il-ġenituri) fil-proċess ta’ separazzjoni. Aktar ma t-tfal se jaraw ġlied u pika bejn il-ġenituri aktar se jħossuhom ħażin u aktar se jbatu minn ansjetà.
Punti li wieħed tajjeb li jaħseb dwarhom.. biex il-proċess ikun kalm kemm jista’ jkun..
- Primarjament irridu naċċettaw li l-familja kollha tkun għaddejja minn żmien diffiċli għax tkun għaddejja minn telfa. Anke jekk kien hemm ħafna ġlied u forsi l-fatt li wieħed mill-ġenituri telaq mid-dar, xorta din il-firda se ġġib emozzjonijiet ta’ telfa u dwejjaq.
- Għalkemm forsi l-istint jgħidilna biex naħbu jew ngħattu dak li nħossu ħalli ma niftakrux fl-uġigħ, anzi bil-maqlub hu importanti li nikkomunikaw dwar dak li ġara jew dwar dak li qed jiġri. Importanti li nitkellmu ma’ min inħobbu jew ma’ min bħalna għaddej minn din it-telfa, speċjalment mal-ulied jekk hemm l-ulied. Aktar ma nħossu li m’aħniex waħedna f’din il- weġgħa, aktar hemm ċans li nfiequ malajr u nimxu ‘l quddiem.
- Importanti li meta nitkellmu dwar dak li nkunu għaddejjin minnu ma nieqfux biss fuq ir-rabja li forsi l-partner tagħna jkun ħoloq, iżda nitkellmu kif nistgħu nagħmlu pass ‘il quddiem.
- Jekk naraw li waqafna fir-rabja jew fid-dipressjoni importanti li nfittxu għajnuna professjonali għax ikun ifisser li qed insibuha diffiċli biex nimxu ‘l quddiem. Jekk jiġri hekk ma jimpurtax imbilli nfittxu s-sapport professjonali, li nfittxu l-għajnuna ma jfissirx li fallejna iżda jfisser li nixtiequ nimxu ‘l quddiem.
- Importanti li niftakru li seperazzjoni mhix xi kompetizzjoni. Anke jekk deep down tħoss li l-partner tiegħek naqas, importanti li ma nġiegħlux lill-ulied jieħdu side. Dan mhux fair fuqhom għax inkunu qed indaħħluhom f’logħba kerha li l-konsegwenza ma taffettwax lill-partner, iżda lill-uliedna stess. Nifhem li ħafna drabi li naħfru jew li ma nurux ir-rabja mhix faċli, għax dak li jkun għaddej minnha jkun qed jesperjenza ħafna emozzjonijiet diffiċli. Jekk hu hekk aħjar nitkellmu ma xi ħadd professjonali milli nkomplu ngħarrqu lil uliedna.
- Jekk se jsiru diskussjonijiet huwa kruċjali li kulħadd ikun preżenti biex turu lil uliedkom li għalkemm se tinfirdu xorta m’hemmx mibgħeda lejn xulxin. Dan hu eżempju tajjeb ħafna li nistgħu nagħtu lil uliedna. Iżda jekk taf li ħafna drabi inti u l-partner tispiċċaw fi ġlieda, allura aħjar li ma titkellmux quddiem l-ulied.
- Qatt u qatt m’għandna nitfgħu l-ħtija fuq l-ulied li s-seperazzjoni seħħet minħabba fihom, anke jekk fir-rabja fettillek tgħid hekk. Dan ipoġġi lill-ulied fi ħsara psikologika kbira.
Nifhem li dawn huma mumenti diffiċli ħafna għal kull min ikun għaddej minnhom, però tajjeb li niftakru li huwa kruċjali jekk hemm bżonn isir dan il-pass. Aktar ma nżommu l-paċi u ma ninpikawx inqas se jkun hemm tbatija. Meta nħossu li aħna maħkuma minn emozzjonijiet negattivi u għadda ċertu żmien u bqajna fejn konna, importanti li nfittxu sapport professjonali. Għalkemm inkunu mbeżżgħin xorta wieħed irid iħares ‘il quddiem għal ġejjieni aħjar..
Awguri u tislijiet…
Jekk għandek xi suġġett partikolari li tixtieq li nitkellmu dwaru, ibgħatilna fuq info@skoperta.net

Counsellor
99115406