Riċentament fuq il-midja lokali ħarġet storja sabiħa dwar ħbiberija bejn żewġt iħbieb tal-qalb. Ir-raġuni li ġiet imxandra fuq il-midja kienet għaliex waħda minn dawn iż-żewġ persuni tgħix bil-kundizzjoni tad-down syndrome.

Il-punt jekk storja bħal din għandhiex tingħata importanza partikolari u tixxandar sempliċiment għal din ir-raġuni hija diskutibbli.

Fost ħafna kummenti sbieħ u mistħoqqa għal din il-ħbiberija speċjali, spikkaw ċerti kummenti li rreferew għall-ħbiberija bħala ġest li qed isir mill-persuna li m’għandhiex il-kelma “diżabilità” assoċjata magħha.

Ċertament li l-intenzjoni tal-individwu tkun waħda ġenwina, iżda wieħed jinnota ċerta mentalità li ġejja mill-perspettiva ta’ kif wieħed iħares lejn persuna hekk imsejħa b’diżabilità.

Waħda mill-isbaħ affarijiet li wieħed jista’ jesperjenza fil-ħajja hija ħbiberija ġenwina li tagħmel differenza pożittiva fil-ħajja ta’ xulxin, madanakollu hija relazzjoni li tkun ġejja minn żewġ naħat. Ħbiberija li tkun mimlija b’ġesti li jikkumplimentawha, miż-żewġ individwi, huma min huma.

Tajjeb li wieħed jieqaf u jirrifletti ftit, huwa ġust li nsejħu ħbiberija ma’ persuna b’diżabilità bħala ġest? Jista’ jkun li b’hekk inkunu qed infissru li persuna b’diżabilità ma tagħti jew ma tista’ tagħti xejn lura fi ħbiberija?

Huwa ġust li nassumu li waħda tista’ tagħti aktar mill-oħra fi ħbiberija u kull tip ta’ relazzjoni oħra, minħabba dak li jidher fl-għajnejn?

Int x’taħseb?

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks