B’kollaborazzjoni ma’ Dr. Etienne Grech, MMCFD (Tabib tal-Familja)

Il-“Borderline Personality Disorder”, li hi wkoll magħrufa bħala “Emotionally Unstable Personality Disorder”, hija kundizzjoni mentali li primarjament tikkonsisti minn diffikultà biex wieħed jimmaniġġja l-emozzjonijiet jew r-relazzjonijiet tiegħu, b’mod effettiv. Il-“Borderline Personality Disorder” tinvolvi wkoll il-preżenza ta’ burdati instabbli, li jistgħu jkunu qosra u jafu anke jinbidlu fl-istess ġurnata. Kriterji dijanostiċi oħra ta’ din il-kundizzjoni jinvolvu il-preżenza ta’ reazzjonijiet estremi, immaġini distorta tal-identità tal-persuna kkonċernata, imġiba impulsiva jew perikoluża, ħsibijiet ta’ suwiċidju, sentimenti kroniċi ta’ nuqqas ta’ tama jew dwejjaq, u kif ukoll, rabja mhux iġġustifikata.

Normalment, din il-kundizzjoni tibda matul l-adoloxxenza jew fil-bidu tal-età adulta. Kundizzjonijiet oħra, bħad-dipressjoni, l-ansjetà, abbużi minn sustanzi llegali jew alkoħol, jistgħu wkoll jeżistu flimkien mal-“Borderline Personality Disorder”. Għaldaqstant, tista’ tkun iktar diffiċli biex issir id-dijanjosi ta’ din il-kundizzjoni, fi stat bikri.

Diversi studji juru li l-“Borderline Personality Disorder” taffettwa madwar 5.9% tal-adulti f’xi żmien partikolari f’ħajjithom. In-nisa għandhom iktar tendenza li jbatu minn din il-kundizzjoni; madwar tliet darbiet aktar mill-irġiel. Ir-riċerka dwar il-fatturi li jistgħu jikkaġunaw il-“Borderline Personality Disorder” għadha fi stadju bikri. Madanakollu, ix-xjentisti ġeneralment jaqblu li kemm l-influwenzi ġenetiċi u kif ukoll ċerti avvenimenti diffiċli li wieħed ikun ġarrab matul it-tfulija, bħal abbużi emozzjonali, fiżici jew sesswali, negliġenza, telfiet, kritika żejda jew “bullying”, jistgħu wkoll ikollhom irwol fl-iżvilupp ta’ din il-kundizzjoni.

Għalkemm mhux is-sintomi kollha jistgħu jittaffew, ir-riċerka turi ukoll li b’terapija speċjalizzata, nies li jbatu mill-“Borderline Personality Disorder” jistgħu jonqsulhom s-sintomi, u għaldaqstant, ħajjithom titjieb. Xi sintomi tal-“Borderline Personality Disorder” huma aktar faċli biex jiġu kkurati minn oħrajn. Fil-fatt, ir-riċerka turi li l-kura għall-“Borderline Personality Disorder” hija aktar effettiva biex titnaqqas ir-rabja, l-attentati ta’ suwiċidju, u kif ukoll biex ittejjeb l-imġiba, il-funzjoni ġenerali u l-aġġustamenti soċjali tal-individwi li jbatu minn din il-kundizzjoni. Mill-banda l-oħra, is-sensazzjoni ta’ biżgħat li wieħed jista’ jispiċċa abbandunat, il-formazzjoni ta’ relazzjonijiet instabbli jew is-sentimenti ta’ vojtezza huma meqjusa l-iktar diffiċli biex jitfejqu.

L-iktar trattament riċerkat b’mod estensiv għall-“Borderline Personality Disorder” huwa t-terapija ta’ mġiba dijalettika (Dialectic Behavourial Therapy). Kemm id-“Dialectic Behavourial Therapy” u kif ukoll, forom oħra ta’ psikoterapija bħal “Cognitive Behavioral Therapy”, ġeneralment huma l-ewwel għażla ta’ trattament għal din il-kundizzjoni. Għalhekk huwa importanti wkoll li sabiex it-terapija tkun effettiva, il-pazjenti jħossuhom komdi u jafdaw lit-terapisti tagħhom, filwaqt li jattendu ghall-sessjonijiet regolari ta’ psikoterapija.

Taħt stress, xi sintomi jistgħu jerġgħu jfeġġu. Meta jiġri dan, wieħed għandu jirritorna għat-terapija jew għal aktar appoġġ minn professjonisti kwalifikati fil-kura tas-saħħa mentali, bħall-psikjatri, psikologi, u kif ukoll, it-tobba tal-familja. Wieħed għandu jevita l-abbużi minn sustanzi illegali jew alkoħol, għax dan jista’ jagħmel l-imġiba agħar. Meta t-terapija ma tkunx biżżejjed, xi mediċini jistgħu jgħinu fit-trattament ta’ kundizzjonijiet oħra li spiss jakkumpanjaw il-“Borderline Personality Disorder”, bħad-dipressjoni u l-ansjetà.

Jekk tixtieq issegwi l-blog tiegħi, tista’ tagħmel dan billi tagħmel ‘like’ fuq din il-paġna ta’ Facebook:

×Be Holistically Healthy, MD× | Facebook

Jekk għandek xi mistoqsijiet li trid tistaqsi jew xi suġġett li tixtieq li nitkellmu dwaru ibgħatilna fuq info@skoperta.net

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks