Eżatt dak il-mument stess, beda jdoqq it-telefon li kien hemm fuq it-tavolin, fuq tvalja rrakkmata tal-bizzilla.
“Dar Piscopo,” qalet Margaret. Kienet għadha qed tħossha bla nifs bin-nervi li kien għamlilha t-tifel.
“Sinjura hawnhekk mill-iskola ta’ Andrea,” kien leħen maskili li nstema’ fuq in-naħa l-oħra tal-linja.
“Eħe? X’reġa’ għamel issa?” staqsietu. La taqta’ kienet se titla fuq u tagħtih lezzjoni kif imiss! Żgur kien reġa’ ġġieled u daħal fil-gwaj!
“Ibnek Andrea…….sinjura, jiena s-surmast.”
“Iva qed nisimgħek!” weġbitu. Aqlagħha, kella aptit tgħidlu. Kemm kien ġej fit-tul biex jgħidilha?
“Ibnek kellu inċident……” qalilha.
“Inċident kif?”
“Kien hawn tifel li kien qed jiġi msawwat minn xi grupp tfal ikbar minnu u apparentament, Andrea daħal f’nofshom ħalli jilqa’ għalih.”
“Eħe?” staqsietu.
Jiġifieri…….? Forsi ma kienx………. Forsi kien……….
“It-tifel tiegħek ġie msawwat sew. Daru għalih xi ħames subien kbar u kellna nibgħatuh lejn l-isptar.”
“Għalhekk ġie hawn mela, għax beża!” bdiet tgħid kważi waħedha.
“Ma jimpurtax.”
“Le sinjura, forsi m’intix qiegħda tifhem. Andrea miet mat-triq,” semgħet lis-surmast jgħidilha. “Avolja ppruvaw jirxuxtawh…….ma rnexxielhomx. Ibnek, sinjura Piscopo, ibnek Andrea miet! Bħalissa jinsab……..”
“Int qed tiċċajta?” staqsietu kważi tidħak, taqtagħlu diskorsu. “Għandek żball ta. Ibni…..ibni…….” bdiet tlaqlaq hekk kif ħassitha konfuża. “Żomm waħda l-linja, surmast!”
Margaret waddbet it-telefon la kafkaf fuq it-tavolin u marret tiġri lejn il-kamra tiegħu.
Ħabbtet fuq il-bieb.
Silenzju.
“Andrea?” għajtet, hekk kif fetħet il-bieb ta’ kamartu beraħ u semgħet il-bieb ta’ kamartu jżaqżaq.
Kemm kien ilha ma tidħol f’kamartu! Kemm kien ilha ma tiġi hawn ġew!
Ftakret fl-istejjer li kienet toqgħod tirrakkuntalu meta kien għadu hawn ir-raġel. Ftakret f’għajnejh miftuħin beraħ bil-ferħ. F’leħnu eċċitat ħalli jara kif ser tispiċċa l-istorja………
Margaret ħasset għoqla tiela’ fi griżmejha.
Il-kamra ta’ Andrea kienet vojta.
Is-sodda kienet magħmula b’mod perfett. Il-ġugarelli kienu kollha f’posthom. L-art kienet nadifa tazza.
Resqet bilmod lejn is-sodda ta’ Andrea u maġenbha rat ir-ritratt li kienu ħadu t-tlieta li huma meta kienu għadhom familja, imdawwar fil-gwarniċ.
Qabdet ir-ritratt u bdiet tħares lejh.
“L-imqareb………l-imqareb tiegħi……..” bdiet tlissen b’leħen maħnuq.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks