Bosta segwew l-ewwel episodju tas-serje tant mistennija Nostalġija, fejn rajna wiċċ pjuttost ġdid għall-iskrin.

Nitkellmu ma’ Shelby Aquilina, l-attriċi li qed tinterpreta l-karattru ta’ Ġina.

Shelby, proprju llum fuq TVM, ixxandar l-ewwel episodju tas-serje Nostalġija. X’tista’ tgħidilna dwar il-karattru li qed tinterpreta?

Nostalġija huwa serje ambjentat fil-ġurnata tal-lum li jfakkar ħafna fi stil ta’ ħajja u tradizzjonijiet tal-imgħoddi. Jien qed ninterpreta l-parti ta’ Ġina, tfajla kwieta, eżemplari u li ġejja minn familja reliġjuża ħafna. Lil Ġina taraha dejjem il-knisja ma’ ommha u missierha, iżda se ssib ruħha f’sitwazzjoni li jaf twassal għal kunflitt kbir mal-ġenituri tagħha. Naturalment l-istorja se tiżvolġi ħafna matul is-serje għalhekk ma nistax niżvela wisq iżjed!

Għidilna ftit dwarek… Min hi eżattament Shelby Aquilina?

Jiena persuna li dejjem inħobb li jkolli xi ħaġa għaddejja, jekk hux xogħol tal-Università, filming jew rehearsals għal xi play, ma tantx se ssibli mumenti kwieti. Minkejja dan dejjem nipprova nsib ħin għall-familja u l-ħbieb li jfissru ħafna għalija. Inħobb ħafna l-ivjaġġar għalkemm bħalissa ma tantx huwa żmienu.

Ritratt: Chanelle Demicoli (Emotive Media)

Minn fejn u kif nibtet l-imħabba tiegħek lejn id-drama?

Minn ta’ età żgħira dejjem urejt interess lejn dan il-qasam – id-dar kont nirreċta l-ħin kollu u kemm-il darba kellhom jieħdu paċenzja bija tal-familja, jitilqu minn idejhom u jpoġġu fis-salott ħalli jaraw xi ‘play’ li kont nivvinta dak il-ħin. Iz-zija tiegħi hija l-iktar waħda li kienet tkompli miegħi. Minjaf kemm kienet taqrali stejjer jew tivvintali xenarji biex imbagħad nirreċtawhom flimkien u dan kollu kkontribwixxa għall-imħabba kbira li għandi lejn ir-reċtar illum il-ġurnata.

Kif bdiet Il-karriera tiegħek bħala attriċi?

Ta’ erba’ snin bdejt nattendi l-lezzjonijiet tad-drama li servew ta’ bażi fuqiex stajt inkompli nkabbar il-passjoni tiegħi. Bqajt nattendi sakemm kelli erbatax-il sena meta l-għalliema tad-drama tiegħi ħeġġitni nieħu sehem bħala extra f’ ‘Il-Kappillan ta’ Malta’. Din kienet se tkun l-ewwel produzzjoni li kont se nieħu sehem fiha barra mill-iskola tad-drama. Kienet esperjenza mill-isbaħ fejn kelli l-opportunità naħdem ma’ wħud mill-aqwa atturi Maltin u fejn tgħallimt ħafna affarijiet, fosthom kemm ix-xogħol ta’ attur jirrikjedi dedikazzjoni u impenn.

Liem kienet l-ewwel produzzjoni teatrali li ħdimt fiha? U x’memorji għandek?

Ftit xhur wara li ffurmajt parti mill-ensemble f’‘Il-Kappillan ta’ Malta’ ingħatajt wieħed mill-irwoli ewlenin fi produzzjoni teatrali ġewwa t-Teatru Manoel bl-isem ta’ ‘Ix-Xitan Kunjomu Malti’. Niftakarni eċitata u mbeżża’ għall-ewwel rehearsal iżda kont kuntenta għall-fatt illi kelli opportunità ikbar biex nitjieb f’dak li nħobb nagħmel.

L-iktar memorja li tispikka minn dik il-produzzjoni hija l-emozzjoni li ħassejt l-ewwel darba li ħriġt għall-curtain call. M’hawn xejn isbaħ milli tara l-house lights tat-Teatru Manoel jinxtegħlu u juru mhux biss il-ġmiel tat-teatru nazzjonali, iżda sala mimlija b’udjenza li ħadet gost tara x-xogħol li int, l-atturi sħabek u l-crew kontu tant ilkom tippreparaw.

Televiżjoni jew teatru? U għaliex?

Ikolli nagħżel it-teatru. Apparti mill-fatt li għandi iktar esperjenza f’din l-isfera, it-teatru narah irawwem ċerta dixxiplina li naħseb kull attur jeħtieġ. Apparti minn hekk inħoss li m’hawn xejn isbaħ milli tara u tisma’ r-reazzjoni tal-udjenza int u tirreċta. Għalija din hija xi ħaġa li żżidli l-enerġija x’ħin inkun fuq il-palk u taffettwa ħafna l-prestazzjoni tiegħi. Naturalment, it-televiżjoni għandha s-sabiħ tagħha wkoll, fosthom li tista’ tasal għand u tkun ta’ divertiment għal ħafna iktar nies.

Liema produzzjonijiet li ħadt sehem fihom s’issa huma l-aktar għal qalbek? U liema minnhom tħoss li għenuk tikber aktar bħala attriċi?

Mill-ftit produzzjonijiet li kelli x-xorti nieħu sehem fihom s’issa nista’ ngħid li ma kienx hemm parti li ddejjaqt ninterpreta, iżda li kieku kelli nagħżel liema hi l-iktar produzzjoni għal qalbi żgur illi nsemmi ‘Ħabbilni ħa Nirbaħ’. Dan il-proġett, miktub minn Simon Bartolo, ittella’ l-ewwel darba bħala produzzjoni teatrali minn Staġun Teatru Malti fejn jien interpretajt il-karattru ta’ Ylenia – wieħed mill-iktar karattri li ħadt gost ninterpreta u ftit wara kelli x-xorti li nerġa’ ninterpretah għaliex adattaw l-iskript għal feature film.

Din kienet l-ewwel esperjenza tiegħi naħdem quddiem kamera u naħseb illi kienet introduzzjoni tajba ferm għaliex il-fatt illi ħdimt l-istess karattru kemm għat-teatru kif ukoll għaċ-ċinema għeni nagħraf id-differenzi li hemm fit-teknika tar-reċtar f’dawn iż-żewg oqsma.

Ritratt: Noel Mallia Photography

Kif tipprepara ruħek qabel kull interpretazzjoni?

Ġeneralment nibda billi nagħmel warm up mal-bqija tal-cast, imbagħad nieħu belgħa te’ u ndur is-sekwenza tax-xeni f’moħħi. Ftit qabel inkunu se nibdew inħobb nieħu ftit ħin waħdi għall-kwiet biex niffoka u nidħol fil-karattru. Fil-ħajja ta’ kuljum m’iniex persuna superstizzjuża però qabel kull produzzjoni dejjem inħoss il-bżonn illi nimxi eżatt mal-mod kif inkun preparajt ruħi għax-show ta’ qabel…dejjem jekk tkun marret tajjeb!

L-aktar karattru li kien ta’ sfida akbar minn oħrajn s’issa..

Sentejn ilu fil-play ‘Rajtha Fejsbuk’ interpretajt karattru ta’ tfajla ribelluża, b’mibgħeda qawwija lejn il-ġenituri tagħha u rabja kbira lejn il-ħajja. Huwa karattru totalment differenti minni u dan huwa s-sabiħ tar-reċtar. Din il-play kienet iebsa għaliex kelli ħafna xeni tqal u emozzjonanti li kienu jirrikjedu iżjed iffukar u preparazzjoni minn oħrajn, iżda kienet ukoll waħda mill-iktar plays li tatni sodisfazzjon.

Hemm xi tip ta’ karattru partikolari li tixtieq li jkollok l-opportunità li tinterpreta?

S’issa l-maġġoranza tal-produzzjonijiet li għamilt kienu drammatiċi allura fil-futur nixtieq illi ninterpreta iktar karattri komiċi.

Għidilna dwar is-sehem tiegħek fil-programm Serataron..

F’Serataron kelli parti żgħira fejn imitajt influencer Maltija li kisbet ħafna popolarita’ kemm f’pajjiżna kif ukoll barra minn xtutna. Kien ta’ unur għalija li ħadt sehem f’programm tant maħbub mill-Maltin u fuq kollox nittama li flimkien mal-bqija tat-tim irnexxieli ndaħħak ftit lin-nies.

Mument imbarazzanti jew partikolari li kellek relatat ma’ xi produzzjoni..

Mument li żgur ma ninsa qatt kien meta kelli xena fejn id-djalogu kollu kien fuq laptop li kellu jkun imqiegħed fuq il-mejda mill-bidu tal-play bħala parti mis-sett. Kif mort quddiem il-mejda biex naqbad il-laptop indunajt li dan ma kienx qiegħed hemm. Il-ħarsa li tani l-attur li kien miegħi fix-xena dak il-ħin tibqa’ stampata f’moħħi. It-tnejn li aħna xtaqna li naqbżu għax-xena li jmiss iżda naturalment dan ma kienx possibbli u b’xi mod irnexxielna ngħadduha mingħajr ma nagħtu wisq fil-għajn ta’ x’kien ġara!

Minbarra li ikklassifikajt fit-tielet post fil-kategorija ta’ Best Actress għall-interepretazzjoni tiegħek fil-Cospicua Short Play Festival fl-2019, is-sehem tiegħek fil-film qasir bl-isem ta’ Orrajt wasslek biex fis-sena li għaddiet tirbaħ il-premju ta’ Best Actress fil-kategorija tal-Comedy f’Iminese Indipendent Film Festival. Għidilna ftit dwar dan il-film u xi jfisser għalik premju bħal dan?

Il-film qasir ‘Orrajt’, b’kitba u direzzjoni ta’ Jeremy Vella, jirrelata fuq id-dibattitu lingwistiku li ilu jeżisti f’Malta għal snin twal – għandna nitkellmu bil-Malti jew bl-Ingliż? ‘Orrajt’ jittratta dan is-suġġett b’mod umoristiku u kontemporanju ħafna. Grata mmens tal-premju li rċevejt u onorata li kelli parti minn film li għamel ħafna suċċess f’film festivals barra minn xtutna.

Screengrab mill-film ‘Orrajt’ ta’ Jeremy Vella

X’jagħmlek l-aktar kuntenta?

Li nara lil ta’ madwari ferħanin.

L-isbaħ u l-agħar esperjenza ta’ ħajtek s’issa..

Uħud mill-isbaħ esperjenzi ta’ ħajti jinvolvu l-palk u s-sodisfazzjon li nħoss meta nlesti produzzjoni li tkun intgħoġbot min-nies u fejn kollox ikun mar kif xtaqna. Esperjenza kerha kienet meta sirna nafu li membru familjari qed ibati mid-dimenzja. Mhix faċli li tara lill-persuna li tħobb fi stat permanenti ta’ konfużjoni u inti ma tista’ tagħmel xejn biex tgħin.

Int tinsab fl-aħħar sena tal-istudji tiegħek fl-Università. X’qed tistudja? U kif jirnexxilek issib bilanċ bejn l-istudji u l-karriera ta’ attriċi?

Ninsab fir-raba’ sena fil-kors tal-liġi. Li nsib bilanċ bejn l-istudji u d-drama mhix ħaġa faċli. Ikun hemm bżonn ta’ ħafna mmaniġjar tal-ħin u tqassim sew tax-xogħol minn qabel. Fortunata ukoll għaliex għandi appoġġ kbir mingħand tal-familja li jgħinuni nleħħaq ma’ kollox. Fl-aħħar mill-aħħar nemmen li jekk verament għandek passjoni lejn xi ħaġa, li fil-każ tiegħi huma d-drama u l-edukazzjoni, se tipprova tagħmel minn kollox biex jirnexxielek twettaqha.

Persuni li jispirawk..

Bħala attriċi, persuna li tispirani hija Anne Hathaway. Kbirt naraha u nemmen li hija attriċi versatili immens. Ħadmet minn action films sa musicals u għandha repertorju verament vast, xi ħaġa illi naħseb hija ħolma ta’ kull attur – dik li ma jinterpretax dejjem l-istess tip ta’ karattru.

Lil hinn mid-drama, persuna li taspirani hija Jacinda Ardern, il-Prim Ministru ta’ New Zealand. Hija mara li kissret ħafna mill-isterjotipi relatati man-nisa fid-dinja tax-xogħol. Persuna umli, awtentika u li ma tarax biss il-poter abbinat mal-pożizzjoni tagħha iżda ukoll ir-responsabbiltà li għandha lejn il-pajjiż u dan nemmen li jikkontribwixxi għas-suċċess li qed tikseb waqt it-tmexxija tagħha.

Liema film rajt kemm-il darba u li ma tiddejjaq qatt tara?

Breakfast at Tiffany’s

Għandek xi proġetti relatati kemm mal-karriera kif ukoll personali, ippjanati għall-futur?

Sfortunatament bħalissa d-dinja tal-ispettaklu tinsab iktar kwieta mis-soltu minħabba l-pandemija. Kulħadd, inkluż jiena, jittama li kollox jerġa’ lura għan-normal ħalli nkunu nistgħu nerġgħu lura fuq il-palk u quddiem il-kamera mingħajr restrizzjonijiet. Tul dawn l-aħħar sentejn kont impjenjata bil-filming tas-serje Nostalġija. Nittama li fil-futur qarib ikolli iktar opportunitajiet fil-qasam tat-televiżjoni.

Ritratt: JTM Photography

X’messaġġ tgħaddi lis-segwaċi u l-qarrejja ta’ skoperta.net?

Naħseb illi din l-aħħar sena għenet lil ħafna nies jirrealizzaw ir-ritmu mgħaġġel illi konna għaddejjin bih u kemm ma konniex verament qed ingawdu l-ħajja u s-sabiħ kollu li ġġib magħha. Huwa importanti li jkollok ambizzjonijiet u li taħdem biex tilħaqhom iżda huwa importanti ukoll li xi kultant tieqaf, tħares madwarek u tapprezza dak li diġa’ għandek għaliex bosta drabi huma l-affarijiet iż-żgħar illi veru jġibulna kuntentizza.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks