Fost il-miżuri mħabbra kontra l-imxija tal-Covid-19, ilbieraħ tħabbar li issa l-Pulizija jistgħu jidħlu biex jaraw jekk hijiex tinkiser il-miżura li f’residenza waħda ma jistax ikun hemm persuni minn aktar minn żewġt id-djar. Din l-awtorità ngħatat lill-Pulizija mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika skont il-liġi tas-saħħa pubblika.
Ġie mħabbar ukoll mill-Ministeru tas-Saħħa li mill-Erbgħa li ġej l-ammont massimu ta’ persuni li jistgħu jinġemgħu fi spazji pubbliċi se jonqos minn 4 għal 2 persuni, inkluż fi kjus u fuq bus stops, sakemm ma tinżammx id-distanza soċjali ta’ żewġ metri bejniethom. Naturalment din ma tapplikax għal persuni li jgħixu fl-istess residenza.
Persuni li jiksru din il-miżura jistgħu jeħlu multa ta’ €300 kull persuna.
Mil-lum ġiet riveduta wkoll il-lista ta’ pajjiżi taż-żona amber biex il-pajjiżi li s’issa huma fiż-żona l-ħadra jiżdiedu ma’ din il-lista. Din se twassal ukoll biex kull vjaġġatur li jasal f’Malta minn kull pajjiż ieħor se jintalab jippreżenta PCR Covid-19 test negattiv magħmul mhux aktar minn 72 siegħa qabel il-wasla tiegħu f’Malta. Persuni li jonqsu milli jippreżentaw dan it-test jistgħu jkunu sottomessi għall-ittestjar f’Malta u anki wkoll għall-kwarantina.
