Ħafna drabi meta nisimgħu l-kelma aċċessibilità moħħna jmur fl-aċċessibilità relatata ma’ persuni li jużaw is-siġġu tar-roti, bħal bankini wiesgħa, rampi u ħafna aktar. Madanakollu, dik mhijiex l-unika aċċessibilità mostħoqqa.
Hawn bosta persuni li jeħtieġu aktar aċċessbilità bażika li tgħinhom jgħixu ħajjithom aħjar u kif jixtiequ.
Aktar kmieni f’dan ix-xahar, f’seminar dwar l-inklużjoni fix-xandir, persuni neqsin mis-smigħ għamlu talba biex is-servizzi mxandra fuq l-istazzjonijiet ikunu aċċessibbli għall-persuni neqsin mis-smigħ, kemm għall-informazzjoni u anki għad-divertiment.
Fl-istess seminar, Karl Borg, li huwa lettur fil-lingwa tas-sinjali u ilu snin jinterpreta l-aħbarijiet ta’ TVM talab biex l-istazzjonijiet televiżivi lokali kollha jinkludu sottotitli biex persuni neqsin mis-smigħ ikunu jistgħu jifhmu dak li jkun għaddej.
Inġibdet ukoll l-attenzjoni li dan għandu jsir mhux biss għall-adulti imma wkoll għat-tfal, għaliex sal-ġurnata tal-lum, għat-tfal għad m’hemm xejn.
