Kwistjoni li qed tqajjem xi ftit jew wisq kontroversja f’pajjiżna bħalissa hija l-legalizzazzjoni tal-użu tal-kannabis.
Il-Gvern għadu kemm ħabbar numru ta’ proposti dwar din il-kwistjoni fejn il-pubbliku huwa mitlub li jgħaddi l-ħsibijiet tiegħu dwarhom.
Dawn huma uħud mill-proposti:
- Persuna adulta li jkollha 7 grammi kannabis għall-użu personali tagħha ma tkun qed twettaq l-ebda reat.
- Persuna li tinsab bil-pussess ta’ iktar minn 7 grammi, iżda inqas minn 28 gramma għall-użu personali tagħha, jitressaq quddiem il-Kummissarju tal-Ġustizzja u jista’ jiġi mmultat sa massimu ta’ €100.
- Persuni taħt l-età li jinqabdu bil-kannabis għall-użu personali tagħhom se jkunu soġġetti għal proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissarju għall-Ġustizzja u mhux quddiem il-Qorti Kriminali.
- Kull dar (household) se tkun tista’ tkabbar sa massimu ta’ 4 pjanti għall-istess abitanti. Dawn ma jistgħux jitkabbru biex jinbiegħu.
- Il-white paper tipproponi wkoll li persuna tista’ tneħħi mill-kondotta uffiċjali tagħha reati li ma jkunux għadhom meqjusa bħala reati fil-liġi ta’ Malta.
- Il-White paper qed tipproponi wkoll distinzjoni legali bejn is-CBD li m’għandu l-ebda effett psikoatttiv u t-THC li għandu effetti psikoattivi.
- Jipproponi wkoll li l-konsum tal-kannabis fil-pubbliku mhu se jkun permess fl-ebda każ u persuna tista’ teħel multa ta’ €233.
- Il-Gvern ippropona wkoll li titwaqqaf awtorità responsabbli għal dak kollu li għandu x’jaqsma mal-kannabis għal skop mhux mediku jew xjentifiku. Dan bis-setgħa li tikkummissjoni studji, proposti biex ittejjeb is-sistema, tfassal linji gwida u tamministra l-kapital li jinġabar mill-multi li jinġabru minn ksur ta’ liġi marbuta mal-kannabis.
- Edukazzjoni iktar effettiva dwar il-kannabis msejsa fuq fatti xjentifiċi.
- Taħriġ ta’ uffiċjali li jaħdmu fil-qrib ta’ dawk li jużaw il-kannabis biex jiżdied l-għarfien dwar l-użu responsabbli tal-kannibis.
L-għaqda Releaf, li twaqqfet biex tippromwovi l-użu regolarizzat tal-kannabis laqgħet il-proposti mħabbra mill-Gvern.
L-istess għaqda ddeskriviet dawn il-proposti bħala pass kuraġġuż li jippromwovi d-drittijiet umani u s-saħħa pubblika. Laqgħet ukoll id-dekriminalizzazzjoni fejn jidħol in-numru ta’ pjanti li persuna jista’ jkollha u s-sistema ta’ multa amministrattiva, filwaqt li ħeġġet biex fil-ġimgħat li ġejjin ikun hawn diskussjoni bilanċjati bis-sehem ta’ dawk li jikkunsmaw il-kannabis u esperti fil-liġi u d-drittijiet umani.
